Sport Sport Ieħor

Barbera, Mitchinson u Pauls konfermati rebbieħa tat-tliet kategoriji tat-Tour ta’ Malta

Ir-raba' stadju tat-Tour ta' Malta jitħassar minħabba l-maltemp

Baldassare Barbera, Dave Mitchinson u Mathilde Pauls spiċċaw bħala r-rebbieħa fl-24 edizzjoni tat-The Cyclist Tour ta’ Malta. Ilbieraħ kellu jsir ir-raba’ u l-aħħar stadju fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, iżda minħabba maltemp qawwi, l-istadju kellu jitħassar biex titħares is-sigurtà tal-istess ċiklisti. Għaldaqstant, ir-rebbieħa kienu dikjarati dawk li kienu fil-quċċata tal-klassifiċi ġenerali fi tmiem it-Tielet Stadju.

Għalhekk Baldassare Barbera (Team Grasso Villanti Spagnolo) spiċċa r-rebbieħ fil-Kategorija Elite b’ħin ta’ 4:19:37.23. Will Corden (Velo Runner) spiċċa t-tieni madwar seba’ minuti wara Barbera. Josh Housley (TBW Bottecchia Wigmore RT) daħal fit-tielet post b’ħin ta’ 4:28:03.80.

L-aħjar Malti kien Christian Formosa (The Cyclist) b’ħin ta’ 4:29.56.70, segwit minn Alexander Pettett (Pro Action Volata Cycling Team) u Maurice Formosa (The Cyclist).

Dave Mitchinson (Contour Cycles RT) rebaħ il-Kategorija tal-Masters b’ħin ta’ 3:06:09.16, segwit minn Andrew Hicklin (Peak Road Club) li daħal ftit wara b’ħin ta’ 3:06.25.52 filwaqt li Filippo Porpora (Team Grasso Villanti Spagnolo) kklassifika t-tielet b’ħin ta’ 3:06:26.54.

Michael Camilleri (Pro Action Volata Cycling Team) kien l-aħjar Malti kklassifikat b’ħin ta’ 3:06:45.05. Hu kien segwit minn Fabio Spiteri (Mosta AF Sign Studio Cycling Club) u Ivan Zammit (Birkirkara St Joseph).

Fil-Kategorija tan-Nisa, Mathilde Pauls (TW 1 Racing) rebħet b’ħin ta’ 3:17.31.78. Marie Claire Aquilina (Team Greens) segwit fit-tieni post b’ħin ta’ 3:18.37.17 filwaqt li Gabriella Nordin (TW 1 Racing) spiċċaw fit-tielet post b’ħin ta’ 3:19.48.90.

Wara Marie Claire Aquilina, Hannah Pace (Mosta AF Sign Studio Cycling Club) u Michelle Vella Wood (Team Greens) daħlu warajha bħala l-aqwa tliet atleti nisa Maltin.

Fi tmiem it-Tour, saret il-premjazzjoni lir-rebbieħa minn Jack Schiavone ta’ The Cyclist. Il-President tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu John Zammit preżenta l-Merit Awards lil Stephanie Degiorgio (fl-assenza ta’ missierha Mario Meli) kif ukoll lil Daniel Borg Olivier għas-sehem tagħhom fid-diversi edizzjonijiet tal-istess Tour.