Lokali

“Ingħaqdu magħna biex nirrestawraw ir-reputazzjoni tal-pajjiż” – Adrian Delia

Ritratt: Arkivji
Jirringrazzja lill-Għawdxin għas-somma rekord miġbura - Ġest li juri li l-Għawdxin qed jerġgħu jibdew jemmnu fil-PN

“Kunu magħna biex nirrestawraw ir-reputazzjoni tal-pajjiż”. Kien dan fil-qofol ta’ messaġġ li twassal mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’kollegament telefoniku fuq Radio 101 dalgħodu.

Adrian Delia kien qed jitkellem fil-kuntest tal-maratona li qed issir illum, flimkien mal-isfida ‘Design Your Future’ – maratona li għandha l-iskop li tagħti vuċi akbar lill-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia spjega li l-partiti politiċi bil-prinċipji biss ma jagħmlu xejn, u għalhekk hemm bżonn l-għajnuna tan-nies biex b’hekk, il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkun f’pożizzjoni aqwa li jwassal il-messaġġi tiegħu.

Hu spjega li fost l-issues li l-Partit Nazzjonalista jrid jitkellem dwarhom għan-nom tan-nies hemm il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, ir-reputazzjoni ta’ Malta u l-immigrazzjoni.

Dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fl-arrest ta’ sid Pilatus Bank u qal li dan qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ Malta, b’periklu għas-settur finanzjarju. U kien hawnhekk fejn Adrian Delia qal li bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, ir-reputazzjoni ta’ Malta tiġi restawrata kif tixraq.

Dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia qal li qajjem dan il-punt waqt is-summit tal-Partit Popolari Ewropew. Qal li fid-dawl ta’ statistika dwar kif se tinbidel il-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropewa fis-snin li ġej, jeħtieġ li din l-Unjoni Ewropea tħejji pjan serju dwar kif għandu jiġi trattat dan il-fenomenu.

L-Għawdxin qed jerġgħu jibdew jemmnu fil-PN

Fil-kollegament tiegħu, Adrian Delia rringrazzja lill-poplu ta’ Għawdex għad-donazzjoni rekord li taw.

“Dan kien ġest kbir li juri li l-Għawdxin qed jgħidu li qed jerġgħu jibdew jemmnu fil-Partit Nazzjonalista”, qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel il-pjanijiet man-nies ta’ Għawdex f’ħidma kontinwa biex “nippjanaw il-futur tal-pajjiż flimkien”.