Lokali

Jerġa’ jibda jissemma isem Anġlu Gafà biex jieħu post Lawrence Cutajar

Anġlu Gafà, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp tal-Pulizija, qiegħed jerġa’ jissemma b’insistenza biex jieħu t-tmexxija f’idejh tal-Korp tal-Pulizija, wara li t-tmexxija eżistenti falliet bil-kbir fl-investigazzjonijiet li suppost għamlet dwar il-każ tal-‘Pilatus Bank’ u s-sid tiegħu Ali Sadr Hasheminejad.

Dan id-diskors kien diġà tqajjem b’ċertu qawwa ftit tax-xhur ilu, meta din il-kwistjoni kienet fl-aqwa tagħha, u proprju meta Ali Sadr Hasheminejad daħal il-bank u ħareġ b’numru ta’ bagalji mimlija dokumenti li mbagħad litteralment għosfru. Dakinhar, il-pulizija kienet naqset serjament milli tinvestiga u tieħu passi, bil-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar flok jaġixxi b’mod immedjat, imur l-Imġarr għal ikla fniek.

Issa, dan id-diskors qed jerġa’ jitqajjem b’insistenza kbira u l-messaġġ li qiegħed jintbagħat lill-Kastilja hu li kemm-il darba Anġlu Gafà jinħatar Kummissarju tal-Pulizija, allura jkun qed jintbagħat messaġġ li l-Gvern qiegħed jieħu ċerti passi.
Min-naħa tiegħu, u skont dawk viċin tiegħu, Anġlu Gafà lest li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Korp. Madankollu xorta tibqa’ l-problema li minn kummissarju tal-Pulizija mmexxi direttament minn Kastilja, xorta waħda se jkun hemm kummissarju ieħor tal-Pulizija li wkoll jistenna l-ordnijiet minn Kastilja biex jaġixxi.

Il-livell ta’ entużjażmu fil-Korp tal-Pulizija llum naqas drastikament, kawża tal-mod kif qed ikomplu jitmexxew l-affarijiet. Il-membri tiegħu jafu tajjeb li jistgħu jimxu ‘l quddiem biss jekk huma fil-good books ta’ Kastilja u mhux jekk huma dedikati u serji.

Saħansitra, anki l-istess Ministru Michael Farrugia kien jistqarr li hu mdejjaq li ngħata dan id-dekasteru li ma jifhimx saħta fih. Iżda dan l-aħħar, bħal donnu li beda jitħarrek xi ftit u saħansitra, sar jagħmilha wkoll ta’ uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Korp tal-Pulizija u kull meta jitwettaq xi kolp tajjeb kontra l-kriminalità, erħilu joħroġ bl-aħbar b’messaġġi fuq il-midja soċjali.

Iffaċċjat mill-ġurnalisti f’nofs din il-ġimgħa u mistoqsi numru ta’ kummenti li qed jgħaddu bosta, li qed jitolbu għar-riżenja tiegħu mit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, Lawrence Cutajar qal li kulħadd għandu d-dritt jagħmel il-kummenti tiegħu għax Malta hi pajjiż liberu.

B’riferenza għall-ħidma li wettaq bħala Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar enfasizza wkoll li hu jinsab kuntent u x-xogħol tiegħu għandu jitkellem waħdu, hekk kif is-sena l-oħra kien hemm rekord ta’ qbid tad-droga kif ukoll kienu solvuti delitti li skontu, f’mitejn sena qatt ma kienu ġew investigati. Għaldaqstant jgħid li bosta jiddeċiedu li jikkritikawh xorta waħda.