Lokali

Jikru bowsers jew jinħaslu għand qrabathom… Tliet ijiem bla ilma

Ritratt: Arkivji

Residenti fil-Ħamrun ilhom għal dawn l-aħħar tliet ijiem mingħajr ilma, aktarx minħabba ħsarat li nqalgħu fix-xogħlijiet li għaddejjin fil-Marsa.

Persuni li tkellmu ma’ NET News, u li jgħixu f’diversi toroq differenti, qalulna li ilhom mill-Ġimgħa bla ilma, tant li hemm familji li qed ikollhom jikru l-bowsers tal-ilma jew inkella jmorru jinqdew għand qrabathom li jgħixu f’lokalitajiet oħra.

Fost it-toroq li ilhom tliet ijiem bla ilma hemm Triq Dun Frans Camilleri.

Residenta f’din it-triq qaltilna li qed ikollha tmur tagħmel kollox għand ommha – fosthom taħsel il-ħwejjeġ u tinħasel hi. “Ġabuna f’pajjiż tat-tielet dinja” qaltilna din il-persuna, li tgħix fi blokka kbira ta’ għexieren ta’ familji.

Jirriżulta li ħafna persuni milquta għamlu diversi kuntatti mal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma, li qalulhom li dan hu riżultat ta’ ħsara li nqalgħet.

Jirriżulta li waqt ix-xogħlijiet, intlaqat pipe prinċipali ta’ żewġ piedi, u kien dan li wassal għall-qtugħ fl-ilma.

Sadanittant, mhux magħruf meta l-provvista tal-ilma se tirritorna għan-normal.

Dan filwaqt li fost ir-residenti Ħamruniżi hemm rabja kbira għall-fatt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waqfet tirrispondi t-telefonati tan-nies – aktarx minħabba l-influss qawwi ta’ telefonati.