Il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kienu fost il-ftit mistednin Maltin magħżula għat-tieġ ta’ Ali Sadr, is-sid tal-Bank Pilatus, li issa qed ikun investigat mill-awtoritajiet Amerikani b’akkużi li jistgħu jwasslu għal aktar minn 125 sena priġunerija. It-tieġ inżamm fl-2015 fl-Italja.
Dan ġie żvelat mill-gazzetti MaltaToday u The Sunday Times of Malta, fejn kien innotat kif il-preżenza ta’ Muscat u Schembri hi sinifikanti meta wieħed iqis li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) kienet stabbiliet “familjarità qawwija” bejn iċ-Chief of Staff f’Kastilja u Ali Sadr.
Fil-fatt, jingħad li t-tieġ tal-Iranjan sid il-Bank Pilatus kien għal ċirku ristrett ta’ qraba u ħbieb, b’Muscat u Schembri kkonfermaw il-preżenza tagħhom fit-tieġ ta’ Ali Sadr meta mistoqsija miż-żewġ gazzetti.
Rapporti tal-FIAU maħruġa fil-media kienu żvelaw li Keith Schembri għandu kont fil-Bank Pilatus, għalkemm Schembri ċaħad li qatt kellu xi interess biex il-Gvern Laburista joħroġlu l-liċenzja.
Fix-xhur li għaddew, The Sunday Times of Malta stess kienet żvelat ukoll li ċ-Chief of Staff f’Kastilja u Ali Sadr kienu jiltaqgħu regolarment għal ikla f’ristorant fil-Belt, li kien parti min-negozju ta’ Keith Schembri nnifsu.
Wara li fil-jiem li għaddew sar magħruf li Ali Sadr kien arrestat, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħasel idejh u baqa’ ma aċċettax il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni, f’appell lill-MFSA biex tirrevoka l-liċenzja tal-Bank Pilatus.
U min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li ntagħżel fit-tmexxija tal-Korp minn Muscat innifsu, qal li mhux fil-mertu tiegħu li jara li l-awtoritajiet lokali jsostnu dan l-appell ukoll.
//= $special ?>