Lokali

Nickie Vella de Fremaux b’messaġġ ta’ appoġġ u soliderjetà għalmin hu fil-bżonn

Messaġġ ta’ appoġġ u solidarjetà minn Nickie Vella de Fremaux, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt żjara li għamlet f’Dar Bjorn waqt esibizzjoni li qed tittella’ biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni ALS Malta.

Waqt iż-żjara tagħha, Nickie Vella de Fremaux kellha ċ-ċans ukoll tiltaqa’ ma’ numru ta’ residenti f’din id-Dar f’Ħal Qormi, li grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin toffri servizzi, faċilitajiet u għajnuniet oħra lil dawk li jbatu mill-marda tal-ALS.

Ma’ NET News, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qalet li minkejja l-problemi ta’ saħħa li jkun qed jiffaċċja, hu importanti li l-ewwelnett, wieħed iħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv. Imbagħad, m’għandux jiddejjaq jitkellem għax b’hekk biss ikun jista’ jingħata l-għajnuna minn entitajiet importanti bħall-ALS Malta.

NET News tkellem ukoll ma’ Bjorn Formosa, il-fundatur tal-ALS Malta u li hu stess ibati minn din il-marda, li qal li l-isfidi għall-Fondazzjoni huma kbar.

L-esibizzjoni f’Dar Bjorn, li se tibqa’ miftuħa għal numru ta’ ġimgħat li ġejjin, tinkludi pitturi tal-artist Ed Schembri. L-20 pittura, li jinsabu għall-bejgħ, huma kbar 1.2 metri b’1.2 metri u juru numru ta’ personalitajiet mill-politika u mix-xena tal-ispettaklu, fost l-oħrajn, kemm dawk li għadhom ħajjin u oħrajn li m’għadhomx.

Id-dħul mill-pitturi, magħmulin biż-żejt fuq il-kanvas, se jmur kollu għall-Fondazzjoni ALS Malta, b’risq il-proġett il-ġdid tal-Fondazzjoni biex tibni Dar oħra bħala akkomodazzjoni għal aktar persuni li jbatu mill-ALS.