Sport Waterpolo

Rebħiet faċli għal Sliema u San Ġiljan

Nicholas Farrugia ssikkat minn Michael Cordina f'attakk ta' Valletta (Ritratt: Joseph Galea)
Tintemm it-tieni ġurnata tal-Kampjonati tax-xitwa tal-Waterpolo

VALLETTA VIDEOSLOTS….3

SLIEMA FRANK SALT……….11

(0-2), (0-4), (2-4), (1-1)

Wara t-telfa kontra Sirens, Sliema Frank Salt kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat b’rebħa faċli fuq Valletta Videoslots. Prestazzjoni tajba ta’ Sliema li ġabu fix-xejn lil Valletta fejn ħadu vantaġġ mill-ispazji tal-avversarji, b’Jerome Gabarretta jispikka fiċ-ċentru b’ħames gowls.

Is-Slimiżi kienu prattikament għalqu l-logħba wara t-tieni sessjoni meta daħlu jistrieħu 6-0. Huma komplew jikkontrollaw il-logħba bil-kowċ Sergio Afric jagħmel aktar bidliet fit-tim. Valletta rnexxielhom isibu x-xibka darbtejn minn James Spiteri Staines b’Sliema jidħlu jistrieħu 10-2 minn fuq. Bid-destin tal-logħba magħruf, il-logħba naqset mir-ritmu b’Sliema jikkontrollaw sat-tmiem.

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), N. Farrugia, M. Mifsud, T. Agius, R. Mock (1), D. Paolella, M. Lanzon, D. Saliba, A. Agius, K. Galea, L. Gialanze, R. Bonnici

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (5), D. Fenech (1), M. Carani, M. Meli, K. Dowling (1), M. Spiteri Staines (2), Z. Galea Mule, M. Cordina, Z. Chetcuti, Z. Mizzi (2), N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Stefan Licari, Alex De Raffaele

SIRENS GREENTUBE…………..4

SAN ĠILJAN TUM INVEST…11

(1-3), (2-3), (0-1), (1-2)

Fil-logħba l-oħra mill-Kampjonat Premier, iċ-champions San Ġiljan TUM Invest kabbru s-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi għal 35 logħba, b’rebħa b’distakk ta’ seba’ gowls fuq Sirens Greentube. Partita li fiha l-Ġiljaniżi ddettaw il-logħba u wara li marru minn fuq kabbru l-vantaġġ tagħhom gradwalment.

It-tim ta’ Marko Orlovic wieġeb bi tliet gowls fl-ewwel sessjoni minn Ben Plumpton, Paul Fava u Tristan Said, wara li Jacob Sciberras kien fetaħ l-iskor għal Sirens minn penalty. San Ġiljan kienu marru 5-1 minn fuq iżda Sirens skorjaw darbtejn, b’Peter Borg idaħħal lit-tim tiegħu 6-3 minn fuq.

San Ġiljan aċċertaw mir-rebħa fit-tielet sessjoni bi tliet gowls mingħajr risposta, biex l-aħħar sessjoni kienet formalità b’Dino Zammit u Ben Grech iżidu d-distakk, b’John Brownrigg jiskorja penalty lejn it-tmiem għal Sirens.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, E. Aquilina (2), P. Privitera, M. Grech, A. Camenzuli, C. Mercieca, J. Sciberras (1), J. Brownrigg (1), C. Zammit, L. Caruana, L. Falzon, O. Gauci

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea, B. Grech (1), J. Galea, M. Zammit, B. Plumpton (1), C. Farrugia (1), T. Said (1), D. Zammit, P. Fava (2), D. Zammit (3), T. Micallef

Referees: Alex De Raffaele, Massimo Angileri

KAMPJONAT TAL-EWWEL DIVIŻJONI

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………8

MARSASKALA TRANSCRIPTA..6

(1-1), (2-1), (2-1), (3-3)

Birżebbuġa Freeport jinsabu waħedhom fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni bit-tieni rebħa minn żewġ logħbiet. It-tim immexxi minn Anthony Farrugia qatt ma kien minn taħt fil-logħba, u dejjem kienu ftit aħjar mill-avversarji, kif ukoll kienu reżiljenti biex irnexxielhom iżommu l-vantaġġ li kellhom.

L-ewwel sessjoni ntemmet 1-1 b’David Pace Lupi jiftaħ l-iskor minn penalty iżda Kyle Navarro ġab id-draw. Huma bnew vantaġġ doppju fit-tieni sessjoni, b’Christian Mifsud jiskorja qabel tmiem is-sessjoni.

It-tielet sessjoni kienet identika bħal ta’ qabilha, b’David Cutajar u Stephen Micallef jagħmluhom 5-2 fil-bidu. Liam Grixti żamm lit-tim fil-logħba. Birżebbuġa dehru li se jiksbu rebħa komda iżda hekk kif kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls b’żewġ minuti u nofs għat-tmiem. Iżda gowls minn Jean Claude Cutajar u Kyle Navarro assiguraw tmiem missielet. Matthew Tabone assigura r-rebħa b’gowl fl-aħħar 12-il sekonda.

Birżebbuġa: D. Abela, M. Borg, N. Cassar (2), D. Pace Lupi (2), J. Buhagiar, J. Rizzo Naudi, M. Tabone (1), D. Cutajar (1), S. Micallef (2), G. Farrugia, K. Rizzo Naudi, M. Ortoleva, D. Spiteri

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), J. Theuma, A. Vella, D. Borg Millo, L. Grixti (1), K. Navarro (2), J. Busuttil, J. Bajada (1), C. Mifsud (1), D. Cassar, R. Attard, J. Cremona

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Klassifika Kampjonat Premier wara żewġ logħbiet: San Ġiljan 6 punti, Neptunes 6 punti, Sliema 3 punti, Sirens 3 punti, Valletta 0 punti, Exiles 0 punti

Klassifika Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni wara żewġ logħbiet: Birżebbuġa 6 punti, Marsaskala 3 punti, Ta’ Xbiex 3 punti, Otters 0 punti