Formula 1 Sport

Sebastian Vettel jirbaħ l-ewwel Grand Prix tal-istaġun tal-Formula 1

Sebastian Vettel (Ritratt: EPA)
Jibda l-kampjonat tal-Formula 1

Sebastian Vettel fetaħ l-istaġun tal-Formula 1 bl-aħjar mod possibbli hekk kif rebaħ il-Grand Prix tal-Awstralja f’Albert Park. Għal Vettel din kienet it-48 rebħa u l-100 podju fil-karriera tiegħu. Tiġrija missielta li fiha rnexxielu jegħleb l-isfida missielta għal kważi nofs tiġrija miċ-champion renjanti Lewis Hamilton li daħal it-tieni, anki jekk fl-aħħar dawriet kellu xi problemi li permezz tagħhom seta’ anki tilef it-tieni post.

Hamilton kien jinsab fil-quċċata sal-ħin li daħal għal waqfa, b’Vettel jibqa’ aktar fiċ-ċirkwit u wara li t-tiġrija kellha tkompli taħt is-safety car virtwali, Ferrari ħadu vantaġġ u daħlu lil Vettel għal waqfa, fejn irnexxielu joħroġ qabel Hamilton.

Kimi Raikkonen daħal it-tielet fit-tieni karozza tal-Ferrari segwit minn Daniel Ricciardo tar-Red Bull, biex b’hekk għal darba oħra m’hemmx Awstraljan fuq il-podju. Fernando Alonso kiseb il-ħames post, riżultat pożittiv għalih u għal McLaren. L-Ispanjol irnexxielu jegħleb il-pressjoni tal-Olandiż tar-Red Bull Max Verstappen.

Nico Hulkenberg (Renault), Valtteri Bottas (Mercedes), Stoffel Vandoorne (McLaren) u Carlos Sainz (Rneault) daħlu f’din l-ordni biex komplew l-ewwel għaxar postijiet.

It-tiġrija li jmiss issir fit-8 ta’ April f’Sakhir fil-Bahrain.