Tħabbret il-mewt ta’ Lys Assia, l-ewwel rebbieħa tal-Eurovision Song Contest. L-aħbar ingħatat mill-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest permezz ta’ Twitter. Hi kellha 94 sena
Ir-rappreżentanta tal-Iżvizzera, Assia kienet rebħet l-ewwel edizzjoni tal-Eurovision Song Contest fl-1956 permezz tas-silta Refrain. Fis-sena ta’ wara, hi kienet ikklassifikat fit-tmien post filwaqt li fit-tielet parteċipazzjoni tagħha, kienet marret viċin ħafna li terġa tirbaħ iżda ikklassifikat fit-tieni post bis-silta Giorgio.
Imwielda fl-Iżvizzera fl-1924, Lys Assia kienet bdiet il-karriera tagħha fil-qasam tal-ispettaklu bħala żeffiena iżda eventwalment ikkonċentrat fuq il-kant. Assia baqgħet waħda mis-sostenituri kbar tal-festival u fl-2005 għamlet ritorn bħala kantanta mistiedna fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Eurovision Song Contest.
Fl-2012 u fl-2013, Lys Assia ipprovat mill-ġdid tieħu sehem bħala kompetitriċi iżda ma ntgħażlitx biex tirrappreżenta lil pajjiżha fil-Eurovision Song Contest.
Din hi s-silta ‘Refrain’ – l-ewwel rebbieħa tal-Eurovision Song Contest:
//= $special ?>