Futbol Sport

Il-Maltin umiljati mill-Finlandja

FINLANDJA……………….5
MALTA……………………….0

Finlandja: Jesse Joronen (46’ Anssi Jaakola), Kalle Taimi (82’ Joona Toivio), Paulus Arajuuri, Sauli Vasainen, Jere Uronen (62’ Juha Pirinen), Robin Lod, Glen Kamara, Thomas Lam, Moshtagh Yaghoubi (46’ Robert Taylor), Teemu Pukki (77’ Akseli Pelvas), Fredrik Jensen

Malta: Andrew Hogg, Cain Attard, Jean Borg, Steve Borg (72’ Michael Johnson), Andrei Agius, Steve Pisani (46’ Triston Caruana), Rowen Muscat (46’ Roderick Briffa), Luke Gambin, Joseph Zerafa (46’ Myles Beerman), Andre Schembri (62’ Alfred Effiong), Jean Paul Farrugia (46’ Michael Mifsud).

It-tim nazzjonali Malti tilef bi skor ta’ 5-0 f’partita ta’ ħbiberija li lagħab fit-Turkija kontra l-Finlandja. Il-wirja tal-Maltin kienet ferm agħar minn dik li kellhom nhar il-Ħamis li għadda meta dakinhar tilfu 1-0 b’gowl fl-aħħar minuta kontra l-Lussemburgu.

Il-Finlandja fetħu l-iskor fit-13-il minuta meta minn corner ta’ Yaghoubi, Taimi waqqa’ ballun bir-ras lil PUKKI li skurja b’daqqa ta’ ras.

10 minuti wara l-avversarji rduppjaw b’gowl ta’ TAIMI li skurja minn rebound wara li Hogg kien għadu kemm salva xutt ta’ Pukki. Kollox kompla ġej ħażin għal Malta u wara nofs siegħa kienu diġa’ 3-0 minn taħt wara li PUKKI skurja b’xutt fil-baxx.

L-ewwel okkażjoni li ħolqu l-Maltin waslet mas-siegħa logħob meta Luke Gambin ra x-xutt tiegħu jmur ftit barra.

Fl-aħħar sitt minuti l-Finlandja skurjaw tnejn oħra. L-ewwel kien JENSEN li skurja mill-viċin wara cross mingħand Toivio u wara kien SOIRI li skurja mill-viċin għal skor finali ta’ 5-0.

Din kienet it-tielet telfa minn tliet partiti li Tom Saintfiet mexxa lil Malta. Hu kien iddebutta b’telfa kontra l-Estonja u jiem ilu Malta tilfet kontra l-Lussemburgu.

Għall-Finlandja din kienet is-sitt logħba bla telfa hekk kif jiem ilu dawn kienu ġew draw 0-0 kontra l-Maċedonja.

Din kienet it-tmien darba li Malta u l-Finlandja lagħbu kontra xulxin u l-ħames darba li l-Maltin ħarġu telliefa. L-uniku darba li Malta rebħet kontra l-Finlandja kien fl-1988 meta dakinhar il-Maltin rebħu 2-0 fir-Rothmans Tournament.