Internazzjonali

Jitkeċċew diplomatiċi Russi mill-UE u l-Istati Uniti

Il-President Amerikan Donald Trump, it-Tnejn ordna t-tkeċċija mill-pajjiż ta’ 60 diplomatiku Russu kif ukoll għalaq il-Konsulat Russu f’Seattle. Dan b’reazzjoni għall-avvelenament fil-bidu tax-xahar ta’ eks-spjun Russu u bintu fir-Renju Unit. Fl-istess ħin, Donald Tusk, il-President tal-Unjoni Ewropea, qal li hemm 14-il pajjiż tal-UE li se jkunu qed ikeċċu d-diplomatiċi Russi. Tusk qal ukoll li kien se jkunu qed jittieħdu aktar passi fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin għall-istess raġunijiet. Il-ġimgħa li għaddiet, waqt summit tal-UE, il-mexxejja tal-UE qablu li kollox kien qed jindika li r-Russja kienet wara l-avvelenament ta’ Ser-gei Skripal u bintu f’Salisbury u kienu se jieħdu l-passi. Ir-Russja, min-naħa tagħha, qed tibqa’ tiċħad bil-qawwa li kellha x’taqsam f’dan il-każ. Il-velenu li ntuża fir-Renju Unit kien tat-tip militari li jintuża fl-armi kimiċi.