Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-arrest taċ-Chairman ta’ Pilatus mhux każ iżolat – David Casa

MEPs li kienu għamlu r-rapport dwar Malta jiktbu lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Membri tal-Parlament Ewropew minn gruppi politiċi differenti talbu l-intervent tal-Bank Ċentrali Ewropew li jista’ jwassal biex titneħħa l-liċenzja tal-Bank Pilatus. Fl-ittra tagħhom, l-MEPs taw spjegazzjoni legali li wasslithom biex jagħmlu din it-talba.

Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa, li hu wieħed mill-MEPs li bagħtu din l-ittra, qal li l-arrest ta’ Hasheminejad ma seħħx b’kumbinazzjoni. “Ħadd ma kien sorpriż b’din l-arrest. Il-Bank Pilatus ilu fiċ-ċentru ta’ allegat korruzzjoni u ħasil ta’ flus marbutin mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Malti sa minn meta nfetaħ fl-2014. Dan kien magħruf mal-awtoritajiet mill-inqas mill-2016, u l-informazzjoni ilha fid-dominju pubbliku aktar minn sena,” qal Casa.

Fl-ittra tagħhom, l-MEPs innutaw li l-passi li ħadet l-MFSA sa issa ma jinkludux it-tneħħija tal-liċenzja biex il-Bank Pilatus jibqa’ jaħdem bħala Bank. Fl-ittra tagħhom lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi, l-MEPs li kienu ġew Malta biex jinvestigaw is-saltna tad-dritt qalu: “Jiddispjaċina li wara xhur sħaħ ta’ avviżi u allegazzjonijiet dwar l-integrità u l-konformità tal-attivitajiet tal-Bank Pilatus mal-liġijiet Ewropej, ma ttieħdet ebda azzjoni mill-aġenziji Maltin jew Ewropej li jassiguraw l-integrità tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea,” qalu l-MEPs.

Fi tmiem l-istqarrija, David Casa sostna li l-fatt li dan il-Bank qed jitħalla għaddej bil-liċenzja qed jirriskja li jkompi għaddej bl-attività kriminali, u għalhekk il-bank għandu jingħalaq darba għal dejjem.