Riċerka li għadha kemm ħarġet uriet li l-vulkan Etna, l-aktar vulkan attiv fl-Ewropa, qed jiżżerżaq lejn il-baħar.
Ix-xjentisti bażati fir-Renju Unit ukoll sabu li l-gżira kollha ta’ Sqallija qed tiċċaqlaq dejjem aktar fil-baħar bir-rata ta’ 14-il millimetru kull sena. Ix-xjentisti qalu li filwaqt li għalissa m’hemmx lok ta’ tħassib, hemm bżonn ta’ għassa fuq is-sitwazzjoni għaliex il-periklu kien se jiżdied u mhux jonqos aktar ma jgħaddi ż-żmien… imma żmien twil.
Ir-riċerka kienet ippubblikata fl-aħħar ħarġa tar-rivista speċjalizzata Bulletin of Volcanology.
Ir-riċerka tmexxiet minn Dr John Murray tal-Open University, li qatta’ 50 sena jistudja l-Etna. Hu qal li mir-riċerka li għamel kien ovvju li l-vulkan kien qed jiċċaqlaq lejn il-belt ta’ Giarre, li hu 15-il kilometru bogħod.
Dan iċ-ċaqliq hu l-ekwivalenti ta’ 1.4 metru kull mitt sena u dan hu ftit imma x-xjentisti wissew li fil-passat instab li dawk il-vulkani li kellhom dawn il-karatteristiċi kienu żbruffaw bil-qawwa. Intqal li dan iċ-ċaqliq idgħajjef partijiet mill-vulkan li mbagħad iwassal biex dawn iċedu bil-qawwa.
Imma Murray u l-kollegi tiegħu qalu li dan jieħu mijiet ta’ snin biex vulkan jasal f’dik is-sitwazzjoni u insista li m’hemm ebda evidenza li turi li dan se jseħħ fil-każ tal-Etna u r-residenti fil-qrib m’għandhom ebda lok ta’ allarm.
L-Etna qed tiżżerżaq lejn il-baħar


