Sport Sport Ieħor

Qormi jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat tal-Hockey

It-tim ta' Qormi wara li aċċerta mir-rebħ tal-kampjonat
Jirbħu l-kampjonat b'żewġ logħbiet mit-tmiem

QORMI DAIKIN……………………6

FLORIANA YOUNG STARS…….0

Qormi assiguraw mir-rebħ tal-kampjonat b’żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat wara li għelbu lil Floriana Young Stars 6-0. Kien Zachary De Giovanni li fetaħ l-iskor wara sitt minuti.

Steve Tanti rdoppja wara kwarta logħob b’konklużjoni fuq it-tieni lasta. Young Stars wettqu reazzjoni biex jippruvaw jidħlu fil-logħba, iżda Qormi baqgħu fil-kontroll u daħlu jistrieħu 2-0 minn fuq.

Kyle Micallef għamel l-iskor 3-0 tliet minuti fit-tieni taqsima, b’Tanti jiskorja t-tien gowl personali u r-raba’ gowl għal Qormi fit-62 minuta.

L-iskor kompla jikber tliet minuti wara b’gowl mill-viċin ta’ Ayrton Falzon. Juan Sarcia għalaq il-logħba bis-sitt gowl żewġ minuti mit-tmiem b’konklużjoni mill-aqwa minn azzjoni ta’ penalty korner.

B’hekk wara 10 logħbiet, Qormi skorjaw 43 gowl u sofrew biss tmienja fejn għandhom l-aqwa attakk u l-aqwa difiża tal-kampjonat.

Umpires: Shawn Mifsud, Glen Bonello

LIGHTSHOP HOTSTICKS…….4

RABAT DEPIRO………………….0

Lightshop Hotsticks telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa fuq it-tim tal-qiegħ Depiro 4-0. Hotsticks fetħu l-iskor wara 13-il minuta b’gowl ta’ Shawn Grima minn penalty korner, u erba’ minuti wara laqtu l-lasta minn Lukas Plaehn.

Rabat fallew ċans tajjeb fl-20 minuta u tliet minuti wara Jonathan Borg laqat il-lasta għal Hotsticks. Kien ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima li Silas Plaehn irdoppja l-iskor.

Rabat setgħu daħlu fil-logħba kmieni fit-tieni taqsima, iżda ma ħadux vantaġġ minn żewġ penalty korners. Hotsticks komplew iżidu l-pressjoni u fil-61 minuta Alessandro Amore għamilhom 3-0. Chris Agius ssiġilla r-rebħa żewġ minuti mit-tmiem bir-raba’ gowl.

Umpires: James Mizzi, Nathan Galea

Klassifika: Qormi Daikin 18-il punt minn 10 logħbiet, Lightshop Hotsticks 15-il punt minn 11-il logħba, Floriana Young Stars 13-il punt minn 10 logħbiet, Laferla White Hart 3 punti minn 10 logħbiet, Rabat Depiro 3 punti minn 11-il logħba

Tags