Internazzjonali

Traġedja fil-qalba tas-Siberja

Tal-anqas 64 persuna, ħafna minnhom tfal, mietu wara li nar ħakem ċentru kummerċjali f’Kemerovo fis-Siberja.
Din qed titqies bħala waħda mill-agħar traġedji tax-xorta tagħha minn mindu xoljiet l-Unjoni Sovjetika. In-nar ħakem iċ-ċentru kummerċjali Zimnaya Vishnya, b’ħafna mill-vittmi jkunu miċ-ċinemas li hemm fil-bini u li bin-nirien sfrundaw is-soqfa tagħhom.
B’kollox mas-600 Pulizija tat-Tifi tan-Nar kienu impenjati kontra n-nar. Nar li dam jaqbad 17-il siegħa.
Hemm 11-il persuna li qed jingħataw kura fi sptar fosthom tifel ta’ 11-il sena li jinsab f’kundizzjoni serja. L-awtoritajiet qed jippruvaw jiddeterminaw kemm hemm nieqsa u allokaw skola biex isservi ta’ ċentru ta’ koordinament.
Jirriżulta li l-fire alarms fil-bini ma kinux qed jaħdmu u l-ftit bibien ta’ emerġenza kienu magħluqa.
Il-Zimnaya Vishnya kien f’eksfabbrika tal-ħelu u ftit kien hemm twieqi jew bibien mal-bini.