Lokali

Appell lill-Prim Ministru Grieg biex Maria Efimova tingħata l-ażil

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Erba’ gruppi Maltin, in-Network tas-Soċjeta’ Ċivili, Occupy Justice, il-Kenniesa u l-Awturi qed jappellaw lill-Gvern Grieg sabiex joffri l-ażil lill-whistleblower Russa Maria Efimova. Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-ambaxxata Griega f’Ta’ Xbiex, inċidentalment ftit metri bogħod mill-kwartieri tal-Bank Pilatus fejn kienet impjegata Maria Efimova, il-gruppi qraw l-ittra li kienet indirizzata lill-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras.

Fl-ittra huma fakkru li Efimova qed tiffaċċja talba għall-estradizzjoni fuq allegat każ ta’ miżappropjazzjoni ta’ inqas minn €2,000 fuq talba ta’ Chairman ta’ Bank li qed jiffaċċja 125 sena ħabs fuq sensiela ta’ reati finanzjarji.

Huma qalu li Efimova kienet tat informazzjoni dwar l-attivitajiet illegali tal-Bank Pilatus lil Daphne Caruana Galizia li eventwalment inqatlet permezz ta’ karozza bomba u li b’riżultat ta’ dan, Efimova ħarbet mill-pajjiż minħabba l-periklu ċar fuq il-ħajja tagħha u tal-familja tagħha.

L-Erba’ gruppi saħqu li m’hemmx demokrazija mingħajr ġurnaliżmu ħieles u m’hemmx ġurnaliżmu ħieles mingħajr il-protezzjoni tas-sorsi.  F’Malta, ġurnalista inqatlet u s-sors tagħha kienet fil-mira ta’ attakki, sfat eżiljata, f’diffikultajiet finanzjarji u issa l-arrest.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-gruppi qed jappellaw lill-Prim Ministru tal-Greċja sabiex jagħti ażil lil Maria Efimova.