Lokali

FILMAT: “Kuntenti li n-nies qed jieħdu l-propjetà tagħhom lura”

Issa jmiss li l-poplu jingħata lura l-isptarijiet tiegħu

“Il-Partit Nazzjonalista kuntent li n-nies qed jieħdu l-propjetà tagħhom lura”.
Iddikkjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta lbieraħ kien qed jiġi intervistat fuq il-programm NET Live fuq NET Television, ftit siegħat wara li l-Qorti ordnat li l-poplu jingħata lura l-artijiet li tteħdulu meta l-Gvern ta’ Joseph Muscat għamel deal ma’ Marco Gaffarena.

Adrian Delia qal li n-nies ħarġu rebbieħa hekk kif bis-sentenza, il-Qorti mhux biss tat raġun lill-Partit Nazzjonalista imma uriet ukoll il-mod kif il-Partit Nazzjonalista qed ikompli juri kif huwa l-vuċi tan-nies.

“Iċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu għandhom ikunu n-nies, u mhux il-partiti politiċi jew il-politika partiġġjana”, qal Adrian Delia.

“Il-Partit Nazzjonalista kuntent mhux għax tilef jew rebaħ Joseph Muscat, jew għax tilef il-Partit Laburista jew il-Partit Nazzjonalista. Kuntent għax in-nies qed jieħdu l-propjetà tagħhom lura,” żied jgħid waqt li semma l-pensjonijiet bħala suġġett ieħor li dwaru l-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi tan-nies.

Kif għamel fi tweet matul il-ġurnata Adrian Delia tenna li wara li l-Qorti ordnat lill-Gvern irodd lura l-artijiet pubbliċi tal-każ ta’ Strada Zekka lin-nies, issa jmiss li l-isptarijiet tal-Maltin jingħataw lura lill-poplu.

Hu fakkar li fuq l-istess prinċipji bħall-każ ta’ Strada Zekka, fetaħ każ fil-Qorti biex il-poplu jieħu lura f’idejh l-isptarijiet tiegħu.

“L-istedina tagħna hija waħda sempliċi”, qal Adrian Delia. “Nistieden lil Joseph Muscat biex kif kien sema’ mill-Partit Nazzjonalista biex iġib lura dik il-propejtà, jingħaqad miegħi biex inġibu lura għand in-nies l-isptarijiet tagħhom”, żied jgħid.

Akkumpanjat mill-Kelliema responsabbli mis-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli, Adrian Delia qal li apparti li l-poplu jingħata lura dak li hu tiegħu, fuq kollox, il-poplu ħaqqu jingħata mill-ġdid reputazzjoni b’saħħitha ta’ pajjiż – reputazzjoni mhedda wara l-arrest ta’ sid Pilatus Bank.