Futbol Sport

Futbol: Illejla l-Ingilterra tilqa’ lill-Italja f’Wembley

Fost diversi partiti ta’ ħbiberija li se jintlagħbu llejla tispikka dik f’Wembley bejn l-Ingilterra u l-Italja.

L-aħħar li ltaqgħu dawn it-tnejn kien tliet snin ilu f’partita ta’ ħbiberija meta dakinhar il-partita ntemmet bi draw ta’ 1-1. Pelle kien fetaħ l-iskor favur it-Taljani u Townsend kien ġab id-draw.
L-Ingliżi ovvjament se jkunu qed jużaw din il-logħba biex ikomplu jħejju għat-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Italja se jużaw din il-logħba biex ikomplu jaħdmu fuq it-tiġdid tat-tim wara li f’Novembru li għadda sfaw eliminati mit-Tazza tad-Dinja.

Attwalment it-tim nazzjonali Taljan jinsab taħt it-tmexxija tal-kowċ Di Biagio li ħa post l-ekskowċ Ventura li tkeċċa wara li l-Italja naqqset milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja.
Jista’ jagħti l-każ li Di Biagio jibqa’ jmexxi lit-tim jekk il-FIGC ma ssibx kowċ ieħor sal-20 ta’ Mejju li ġej.

Iż-żewġ timijiet kienu nvoluti f’logħba ta’ ħbiberija ftit jiem ilu hekk kif l-Ingilterra kisbet rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Olanda filwaqt li l-Italja tilfet 2-0 kontra l-Arġentina.
L-Ingilterra ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar seba’ partiti imma tajjeb wieħed jinnota li fost dawn il-partiti kien hemm konfronti kontra timijiet ferm inferjuri bħal ma huma Malta, s-Slovakkja, s-Slovenja u l-Litwanja.

Aktar analiżi tal-istatistika turi li mill-aħħar 13-il logħba li lagħbu kontra l-Italja, l-Ingilterra rebħu biss tnejn u rebħu biss darba kontra l-Italja f’dawn l-aħħar 20 sena.

Jiltaqgħu erba’ snin wara
Konfront ieħor li jispikka llejla se jkun bejn dak f’Berlin bejn il-Ġermanja u l-Brażil.
Bla dubju wieħed mal-ewwel jiftakar fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-2014 meta dakinhar il-Ġermanja umiljaw lill-Brażil quddiem il-pubbliku tagħhom stess u rebħulhom bi skor ta’ 7-1.

Illejla l-Brażil iridu jagħtu l-ewwel sinjal lill-Ġermaniżi li din id-darba mhux se jiġru bihom jekk kemm-il darba dawn it-tnejn jerġgħu jiltaqgħu fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fi ftit xhur oħra.

Sa minn dakinhar tat-telfa tal-Brażil fl-2014, dawn issa jinsabu taħt it-tmexxija tal-kowċ Tite filwaqt li l-Ġermanja komplew bis-serje pożittivi ta’ riżultati hekk kif sena ilu rebħu t-Tazza tal-Konfederazzjonijiet u ilhom 22 logħba ma jitilfu.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom il-Ġermanja ġew draw 1-1 kontra Spanja filwaqt li l-Brażil kellhom wirja mill-aqwa hekk kif jiem ilu għelbu lir-Russja 3-0.

Partita oħra li tispikka llejla hi dik f’Madrid bejn l-Arġentina u Spanja u Lionel Messi se jkun qed jirritorna fit-tim wara li tilef l-aħħar logħba minħabba injury fil-hamstring.