F’waħda minn diversi partiti ta’ ħbiberija li spikkaw it-Tlieta l-Italja salvat draw ta’ 1-1 kontra l-Ingilterra f’Wembley. It-Taljani, li jiem qabel tilfu kontra l-Arġentina, ddiżappuntaw, imma minkejja li kienu l-Ingliżi l-aktar li urew grinta u ħolqu ċansijiet ta’ skor dawn sofrew gowl fl-aħħar hekk kif naqqsmu mir-ritmu.
L-Ingliżi fetħu l-iskor fis-26 minuta meta twaqqa’ Sterling, Lingard ta free kick malajr u għadda l-ballun lejn VARDY li għeleb lil Donnarumma li kien qed jilgħab minflok Buffon.
Erba’ minuti mit-tmiem l-Italja ngħataw penalty meta Tarkowski waqqa’ lil Chiesa fil-kaxxa u mill-11-il metru INSIGNE ma żbaljax għal 1-1.
B’dan id-draw l-Ingilterra naqqsu milli jtejjbu r-rekord negattiv li għandhom kontra t-Taljani.
Mill-aħħar 14-il logħba li lagħbu kontra l-Italja, l-Ingilterra rebħu biss tnejn u rebħu biss darba kontra l-Italja f’dawn l-aħħar 20 sena.
Iċ-champions tad-Dinja megħluba
F’Berlin, il-Ġermanja tilfu kontra l-Brażil bi skor ta’ 1-0. Grazzi għal din ir-rebħa l-Brażiljani pattew xi ftit għad-disfatta ta’ erba’ snin ilu meta dakinhar, kif kulħadd jiftakar, dawn kienu tilfu 7-1 kontra l-istess Ġermaniżi fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja li saret f’pajjiżhom stess.
L-uniku gowl skurjah il-plejer ta’ Manchester City Gabriel JESUS b’daqqa ta’ ras fis-37 minuta. Din kienet l-ewwel telfa li sofrew il-Ġermanja f’dawn l-aħħar 23 logħba u barra minn hekk din hi l-ewwel darba sa minn Ġunju tal-2004 li l-Ġermanja ilhom ma jirbħu erba’ partiti nfila.
Jaqilgħu sitta kontra Spanja
L-Arġentina ġiet umiljata meta tilfet 6-1 f’Madrid kontra Spanja. Din it-telfa tkompli turi kemm id-dipartiment rikk tal-attakk li għandha l-Arġentina (bi plejers bħal Messi, Dybala, Aguero, Icardi u Higuain) se jkun għalxejn waqt it-Tazza tad-Dinja jekk kemm-il darba l-kowċ Sampaoli ma jsolvix id-difetti fid-difiża.
Minn naħa tagħhom, Spanja, b’din ir-rebħa, komplew jimpressjonaw hekk kif baqgħu bla telfa sa minn meta nħatar Lopetegui bħala kowċ (18-il logħba).
Wara 12-il minuta Diego Costa poġġa lil Spanja fil-vantaġġ u fis-27 minuta Isco rdoppja l-iskor. Kien wara dan il-gowl fejn waslet l-uniku reazzjoni tal-Arġentina li naqqsu d-distakk b’gowl ta’ OTAMENDI.
Madankollu fit-tieni taqsima Spanja ġrew bl-avversarji tagħhom u fit-52 minuta ISCO għamel l-iskor 3-1 favur Spanja u tliet minuti wara kien imiss lil ALCANTARA li jsib ix-xibka. Kwarta mit-tmiem Spanja żiedu ieħor b’gowl ta’ ASPAS sakemm minuta wara ISCO għaqqad il-hat-trick u fl-istess ħin għamel l-iskor finali 6-1.
Ir-Russji jkomplu jiddiżappuntaw
Ir-Russja, il-pajjiż li se jorganizza t-Tazza tad-Dinja kompla jiddiżappunta hekk kif fi spazju ta’ ftit jiem sofra telfa oħra.
Wara t-telfa ta’ 3-0 kontra l-Brażil, ir-Russi tilfu 3-1 kontra Franza.
Il-midfielder ta’ Manchester Utd Pogba sikket lill-kritiċi tiegħu hekk kif skurja gowl u provda ieħor. Fl-40 minuta Franza fetħu l-iskor meta Pogba qassam lejn MBAPPE li skurja mill-viċin.
Erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima POGBA rebaħ fawl u mill-free kick sab ix-xibka b’gowl mill-isbaħ.
Ir-Russi naqqsu d-distakk fit-68 minuta b’gowl ta’ SMOLOV imma sitt minuti mit-tmiem reġa’ kien MBAPPE li għeleb lill-gowlkiper Lunev.
//= $special ?>