Lokali

Ħalliel jinqabad fil-fatt wara li seraq mara biswit ATM

Pulizija ġera wara l-allegat aggressur u arrestah

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-4:45pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fil-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar rriżulta li mara ta’ 40 sena residenti Ħaż-Żabbar, kienet qed tagħmel użu minn magna tal-ATM li tinsab fl-istess triq, meta ġiet mwaqqfa minn raġel li allegatament heddidha b’sikkina u serqilha l-flus li kellha fuqha.

Membru tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, li kien xogħol fl-inħawi fil-ħin tas-serqa u sema’ lill-vittma titlob l-għajnuna, ġera wara l-allegat aggressur u arrestah ftit wara.

Il-flus li allegatament ġew misruqa, flimkien mas-sikkina ġew elevati mill-Pulizija, filwaqt li r-raġel qed jinżamm arrestat, sabiex ikun interrogat.