Lokali

Il-poplu se jingħata l-propjetà li kienet itteħditlu fil-każ ta’ Triq Zekka; il-PN jingħata raġun

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Il-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jingħata l-propjetà tiegħu lura, propjetà li kienet ittieħdet mill-Gvern ta’ Joseph Muscat biex tingħata lis-sid ta’ nofs binja fi Triq Zekka, l-Belt Valletta – f’sentenza mill-Qorti li tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun dwar dan il-każ.

Il-każ hu dwar il-mod kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat xtara mingħand Marco Gaffarena nofs binja fi Triq Zekka li ftit qabel kienet akkwista għal prezz ferm inqas baxx minn kemm il-Gvern ħallas biex xtraha.

Gaffarena kien xtara nofs indiviż ta’ binja għal madwar €400,000 iżda l-Gvern, ftit tal-ġimgħat wara, ħallas lil Gaffarena aktar minn €1.6 miljuni. Dan apparti li l-istess Gaffarena kien ingħata wkoll numru ta’ artijiet madwar Malta, li flimkien huma ikbar minn 10 grounds tal-futbol. B’hekk, fid-deal bejn il-Gvern ta’ Joseph Muscat u Gaffarena, dan tal-aħħar ngħata b’aktar minn €3.5 miljun ewro fi flus u artijiet.

Fis-sentenza mogħtija mill-Imħallef Anna Felice, il-Qorti annullat u waqqgħat dawn it-trasferimenti kollha magħmula permezz ta’ żewġ kuntratti ta’ espropjazzjoni. Biex b’hekk, l-istess Qorti ordnat li l-artijiet kollha li ngħataw lill-Gaffarena jmorru lura għand il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-każ kollu kien oriġinarjament żvelat minn The Times of Malta, f’każ li kien qajjem bosta reazzjonijiet – fosthom mill-Partit Nazzjonalista, li dak iż-żmien talab li tintrefa’ r-responsabbiltà politika u aktar minn hekk, biex il-poplu jingħata l-propjetà tiegħu lura.

Dan peress li d-Dipartiment tal-Artijiet – li permezz tiegħu saru l-kuntratti ma’ Gaffarena – kien jaqa’ direttament fil-portafoll tal-Prim Ministru Joseph Muscat, anke jekk kellu jkun is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon il-ħaruf tas-sagrifiċċju li kien sfurzat jirriżenja minħabba dan il-każ.

Waqt li fl-aħħar snin il-Gvern ta’ Joseph Muscat iddefenda dan il-każ, is-sentenza tal-Qorti tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun fl-argumenti kollha tiegħu dwar dan il-każ.

Filfatt, fi tweet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li s-sentenza tikkonferma li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun.