Internazzjonali

Ir-Russja: Protesti dwar in-nirien qattiela f’Kemerovo

Mijiet ta’ dimostranti protestaw fil-belt Russa ta’ Kemerovo, fir-reġjun tas-Siberja, fejn esprimew kundanna għall-uffiċjali lokali b’konnessjoni man-nirien li nqaglħu ġo kumpless tad-divertiment u li fihom inqatlu 64 persuna – 41 minnhom tfal.

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, fl-aħħar sigħat żar l-inħawi ta’ Kemerovo u qal li n-nirien qattiela tal-Ħadd kienu dovuti għal ‘negliġenza kriminali’.Fl-istess ħin, numru ta’ dimostranti qed jiddubitaw iċ-ċifra tal-mewt uffiċjali f’Kemerovo, peress li l-mezzi tal-media soċjali indikaw li, fil-fatt, mietu ħafna nies oħra fin-nirien.

L-investigaturi qed jgħidu li s-sistemi tal-allarm kienu mitfija fil-kumpless tal-mewt u li l-bibien li jagħtu għal barra kienu tħallew magħluqin. Il-folol li nġabru llum barra l-kwartieri-ġenerali tal-gvern lokali insistew għat-tkeċċija tal-uffiċjali li kundannawhom talli naqsu milli jaċċertaw minn kriterji tas-sigurtà dovuti fil-kumpless.