Lokali Qorti

Jammetti falsifikazzjoni ta’ timbri fuq passaporti

Raġel mill-Maċedonja ammetta akkużi ta’ korruzzjoni u li assista persuni bi ksur tal-Att dwar l-Immigrazzjoni bl-użu ta’ timbri folox tal-passaporti.

Zoran Talevski, ta’ 36 sena residenti l-Gżira, kien akkużat li ġabar passaporti ta’ diversi barranin u kien jagħtihom lil uffiċjal tal-immigrazzjoni korrott li kien jittimbrahom b’tali mod li jagħmilha possibbli li jibqgħu f’Malta. Dan l-uffiċjal diġa’ nstab ħati fi proċeduri separati fejn kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-persuna kellha wkoll l-impjieg terminat.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet mid-Difiża li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ u l-kompliċi tiegħu ingħata sentenza sospiża talli għen fl-investigazzjoni. L-akkużat kellu kondotta nadifa u ammetta l-akkużi fi stadju bikri.

Is-sentenza mistennija tingħata ix-xahar id-dieħel.

L-Ispettur Frank Sammut mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat David Bonello deher għal għall-akkużat.