Lokali

“Mhux aċċettabbli li r-residenti jitħallew mingħajr ilma” – Il-kunsillieri tal-PN fil-Ħamrun

Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista tal-Ħamrun Antonello Cuschieri, Efrem Buttigieg u Louise Tedesco fi stqarrija esprimew d-diżappunt tagħhom għall-mod kif il-Gvern permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma ttratta r-residenti Ħamruniżi fil-problema li kien hemm fil-lokalità ta’ nuqqas tal-ilma tal-vit. Fl-istess ħin, l-istess il-Kunsillieri urew solidarjetà sħiħa mar-residenti Ħamruniżi għall-inkonvenjent li esperjenzaw f’dawn l-aħħar jiem.

“Minkejja li kulħadd jifhem li ħsara tista’ tinqala’ dejjem, assolutament mhux aċċettabbli li r-residenti jitħallew mingħajr provvista tal-ilma għal numru ta’ ġranet kif ġara fil-Ħamrun f’dawn l-aħħar jiem”, tgħid l-istqarrija.

“Huwa obbligu tal-Gvern u tal-Korporazzjoni li jaraw li l-familji kollha jkollhom provvista adekwata ta’ ilma huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u mhux kif ġara f’dan il-każ”, żiedu jgħidu l-Kunsillieri.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun qalu li jħossu li huwa assolutament tal-mistħija li wara numru ta’ ġranet, intbagħtu numru żgħir ta’ bowsers tal-ilma b’mod li r-residenti Ħamruniżi spiċċaw b’pożizzjoni li jargumentaw sabiex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt. L-Awtoritajiet naqsu milli jagħtu assistenza bażika lir-residenti inkluż telefonati mhux imwieġba u lmenti li baqgħu bla risposti.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti tal-Ħamrun temmew jgħidu li mhu se jħallu lil ħadd jittratta lir-residenti tal-Ħamrun bħala residenti tat-tieni klassi u se jibqgħu jaħdmu kif dejjem għamlu sabiex il-lokalità tal-Ħamrun jibqa’ trattat bl-aħjar mod.