Kurżitajiet Lokali

Replika tal-Knisja tat-Trinita’ fil-Marsa

Bħal kull Knisja oħra madwar Malta u Għawdex, il-Knisja tat-Trinita’ Qaddisa tal-Marsa tintrama b’tiżjin apposta għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa. Iżda minbarra l-Knisja oriġinali, il-pubbliku jista’ jara wkoll minjatura tal-Knisja tat-Trinita’ f’wirja mtella’ f’residenza privata fi Triq Simpson fil-Marsa stess.

Din il-Knisja, mirquma mill-ġebla Maltija sal-inqas dettall, hi xogħol Tarcisio Azzopardi, li dari kien jaħdem fil-kostruzzjoni, illum pensjonant. Kif spjegalna l-istess Tarcisio Azzopardi, ix-xogħol fuq din il-Knisja beda fis-sena 2000 u tlesta wara 16-il sena.

Il-Knisja tkun miftuħa għall-wiri darbtejn fis-sena, fil-ġimgħa tal-Festa Titulari tal-Marsa u fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Tarcisio Azzopardi irċieva diversi rikonoxximenti għax-xogħol mill-isbaħ li għamel, fosthom l-ewwel premju fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Artiġġjanat.

Din hi l-ewwel darba li l-Knisja kienet mżejna bħalma tkun imżejjna l-parroċċa fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Hawnhekk, Tarcisio kellu l-għajnuna ta’ ibnu Emmanuel fejn jidħol xogħol fil-minjatura tal-vari. Kulma jonqos biex il-Knisja tkun kompluta minn kollox huma repliki minjatura tal-pitturi li hemm fil-Knisja oriġinali.

Dawn ġew ikkummissjonati għand pittur u mistennija jkunu lesti fiż-żmien li ġej.

Il-Knisja se tkun miftuħa għall-wiri fi Triq Simpson kull filgħaxija mill-5.30p.m. sad-9p.m. sa Sibt il-Għid. Fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja se tkun miftuħa wkoll filgħodu bejn id-9a.m. u 12p.m.