TURKIJA………………4
MALTA…………………2
It-tim nazzjonali Malti sofra telfa ta’ 4-2 kontra t-Turkija f’partita valida minn Grupp 6 ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena. Dan ir-riżultat ifisser li l-Maltin s’issa tilfu sitta minn sitt partiti f’dan il-grupp.
Din kienet ukoll it-tieni telfa fi spazju ta’ ftit jiem wara li l-Ħamis li għadda Malta tilfet 3-1 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Iżvizzera.
Minkejja t-telfa kontra t-Turkija wieħed irid ifaħħar l-impenn tal-Maltin li minkejja li kienu qed jilagħbu barra minn darhom ma beżgħux jattakkaw lill-avversarju u saħanistra skurjaw żewġ gowls, liema gowls kienu skurjati minn Kyrian Nwoko.
It-Torok bdew aggressivi u wara 12-il minuta fetħu l-iskor meta Okutan għadda ballun lejn CAGLAYAN li fajjar xutt b’saħħtu bil-ballun ikun devjat minn Dunstan Vella qabel ma spiċċa fix-xibka. Il-Maltin kienu maħsuda b’dan il-gowl u erba’ minuti wara t-Torok żiedu ieħor. Din id-darba kien OKUTAN li skurja b’xutt minn barra l-kaxxa.
Il-Maltin donnhom kienu mitlufin u pront wasal gowl ieħor tat-Torok meta din id-darba Cinar laqat il-lasta u mir-rebound HUMMET ma żbaljax.
Kien hawn fejn waslet l-ewwel reazzjoni tat-tim immexxi minn Silvio Vella meta fit-28 minuta Jurgen Degabriele għadda ballun lejn Jaek Grech li mal-ewwel qassam lejn NWOKO li għeleb lill-gowlkiper BAYINDIR. 10 minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima t-Turkija reġgħu skurjaw. Caglayan qassam lejn CINAR li minkejja li kien f’pożizzjoni angulata għeleb lil Vella.
Tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Malta naqqsu d-distakk u reġa’ kien NWOKO li din id-darba evita lill-gowlkiper u tefa’ l-ballun fix-xibka.
Il-logħba fil-belt ta’ Alanya kienet l-ewwel impenn għal dawn iż-żgħażagħ din is-sena. Malta jmissha tilgħab erba’ partiti f’darha minn dan il-grupp bejn Ġunju u Ottubru li ġej kontra l-Iżvezja, il-Belġju, l-Ungerija u Ċipru.
//= $special ?>