Atletika Sport

Wilfred Palcy se jagħmel in-nofs maratona b’appoġġ għall-Fondazzjoni LifeCycle

L-atleta Franċiż li jispeċjalizza f’nofs maratoni, Wilfred Palcy, għażel li jappoġġja l-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) għal nhar is-Sibt li ġej, meta fit-8.30am se jiġri l-edizzjoni tiegħu tan-nofs maratona fiż-Żurrieq. Hu se jingħaqad ma’ atleti miż-Żurrieq Wolves Athletic Club u atleti oħra minn diversi klabbs f’Malta għall-ġirja ta’ nofs maratona.

Tluq ikun mill-pjazza tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq. L-edizzjoni Running1000+ Malta, li għandha l-appoġġ ta’ Holiday Inn Express, se tgħaddi mill-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Ħal Far u tmur lura lejn iż-Żurrieq. Grupp ta’ ċiklisti minn LifeCycle se jakkumpanjaw lill-atleti. Ċiklisti oħra huma mistiedna biex jieħdu sehem.

Id-donazzjonijiet li Palcy se jiġbor se jmorru għall-fondi ta’ permezz tal-Fondazzjoni LifeCycle biex tkompli tgħin pazjenti Maltin li jbatu bil-kliewi.

Bħala parti mill-isfida ta’ Running1000+, Palcy stabbilixxa għalih innifsu l-mira straordinarja li jiġri 60 nofs maratona f’60 belt Ewropea f’120 ġurnata b’risq il-karitajiet tal-għażla tiegħu f’kull waħda mis-60 belt Ewropea li huma nominati Kapitali Ewropej tal-Kultura. Hu stess hu l-fundatur ta’ Mootivaction, kumpanija li tipprovdi taħriġ għal kumpaniji oħra, kif ukoll hu ukoll trainer professjonali li juża’ metodu stabbilit imsejjaħ Process Communication Model (PCM).

L-atleta Franċiż mhuwiex ġdid għal sfidi bħal dawn. Fl-2016, f’okkazzjoni simili hu ġera 52 nofs maratona fl-istess numru ta’ ġimgħat li saru fl-Istati Uniti, fl-Ażja, fl-Awstralja u fl-Afrika. Mistoqsi x’wasslu biex jieħu dawn l-inizjattivi, l-atleta mwieled Pariġi b’oriġini mill-Karibew qal: “Il-mewt ta’ zijuhi li kellu l-vizzju tat-tipjip, u li miet ħesrem fl-età ta’ 54 sena b’kanċer fil-pulmun, ġiegħelitni naħseb u niffoka fuq il-valur ta’ saħħitna. Minn dakinhar, wieħed mill-għanijiet f’ ħajti hu li ninkuraġġixxi lill-oħrajn għal stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha. L-enerġija mentali u fiżika huma żewġ elementi sempliċi li jistgħu jtejbu saħħitna b’mod ġenerali.”

Running1000+ (https://www.running1000plus.com/) hu kunċett uniku li jinvolvi gruppi ta’ runners minn diversi bliet. Palcy beda l-isfida ta’ Running1000+ minn Pariġi fit-3 ta’ Marzu li għadda u se jispiċċaha s-Sibt 30 ta’Ġunju 2018 lura fil-kapitali Franċiża. B’kollox se jkopri 1,260 kilometru, prattikament nofs maratona kull jumejn. Palcy qed jgħaqqad flimkien gruppi ta’ nies minn kull belt rispettiva biex jikkompetu f’ġirjiet ta’ 21 kilometru ‘l waħda. Id-daqsijiet tal-gruppi ta’ atleti jvarjaw minn dawk żgħar sa komunitajiet sħaħ.

“Ninsab ħerqan biex nhar is-Sibt nagħmel din in-nofs maratona f’Malta bħala parti mill-isfida tiegħi. Sirt naf li Malta għandha storja kbira u, barra minn hekk, il-perjodu tal-Għid hu forsi wieħed mill-aħjar żmenijiet sbieħ għall-ġiri f’Malta,” qal dan il-maniġer tar-riżorsi umani li għandu aktar minn 40 sena.

L-għan tal-Fondazzjoni LifeCycle hu li tiġbor flus għal tagħmir li jsalva l-ħajja ħalli tgħin lil persuni li jbatu minn insuffiċjenza renali, kif ukoll biex tqajjem kuxjenza dwar it-trapjanti tal-organi f’Malta.

Kull persuna tista’ tagħti d-donazzjonin tagħha permezz ta’ sms fuq in-numru 5061 7370 għal €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew inkella ċċempel 5160 2020 għal għotja ta’ €10, 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25. Id-dettalji tal-Bank huma: Kodiċi tas-Swift VALLMTMT, Numru tal-IBAN: MT 18 VALL 22013000000014814521017, tal-Bank of Valletta, Numru tal-Kont 14814521017.