Il-Lussemburgu nhar l-Erbgħa ħabbar li kien qed isejjaħ lura l-Ambaxxatrur mir-Russja għal konsultazzjonijiet. Dan fl-istess ħin li l-Lussemburgu qal li kien jaqbel mar-Renju Unit li aktarx Moska kienet wara l-avvelenament b’velenu tossiku ħafna lill-eksspjun Russu, Sergei Skripal u lil bintu. Velenu li hu magħruf li kien inħadem għall-militar Russu biex jintuża fl-armi kimiċi.
Fis-snin Tmenin Skripal kien stazzjonat Malta fl-Ambaxxata ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika.
Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti u l-Awstralja keċċew diplomatiċi Russi b’reazzjoni għal dan il-każ f’Salisbury fir-Renju Uniti. Anki n-NATO keċċiet diplomatiċi Russi.
Ilbieraħ ukoll, il-Montenegro, li mhux parti mill-UE, keċċiet diplomatiku Russu f’ġest ta’ solidarjetà mar-Renju Unit.
B’kollox din il-ġimgħa aktar minn 20 pajjiż keċċew 130 diplomatiku Russu b’reazzjoni għal dak li ġara f’Salisbury.
Sadattant Dmitry Peskov, kelliem għall-Kremlin, nhar l-Erbgħa qal li Moska kienet definittivament se tireaġixxi għat-tkeċċija tad-diplomatiċi Russi. Hu ma tax dettalji dwar x’se tkun it-tweġiba Russa imma qal li din kienet se tikkorispondi mal-interessi nazzjonali Russi u għal darb’oħra ċaħad li r-Russja kellha x’taqsam fil-każ ta’ Salisbury.
Anki l-Lussemburgu ssejjaħ l-Ambaxxatur mir-Russja


