Fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra l-inċidenti tat-traffiku żdiedu b’1.4% mill-istess perjodu tal-2016, iżda l-fatalitajiet tul is-sena kollha naqsu. Dawn iċ-ċifri ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), meta analizza l-inċidenti tat-traffiku bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra.
F’dan il-perjodu kien hemm 3,450 inċident, minn żgħar sa kbar, madankollu fl-2017 kollha kien hemm 19-il mewt b’inċidenti tat-traffiku, jiġifieri 4 inqas mis-sena ta’ qabel. Bejn Ottubru u Diċembru tilfu ħajjithom sewwieq ta’ mutur u persuna li kienet miexja fit-triq. B’kollox l-istess perjodu ra żieda ta’ 8.3% mill-perjodu tas-sena ta’ qabel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ nies feruti f’inċidenti tat-traffiku. Minn 405 inċident simili, 246 involvew xuffiera ta’ vetturi.
L-istatistika turi li 64% tal-inċidenti kienu jinvolvu karozzi, 24.9% muturi u 5.9% vetturi tal-ġarr tal-merkanzija.
In-numru ta’ inċidenti li seħħew fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir kien dak ta’ 5,629, filwaqt li 14,940 huwa t-total ta’ inċidenti li seħħew fl-2017. L-aktar lokalità li rat inċidenti kienet Birkirkara, segwita minn Ħal Qormi.
Kien hemm 206 sewwieq li ġarbu feriti ħfief jew żgħar, u 39 oħra b’feriti gravi. Kien hemm ukoll 61 passiġġier, 52 persuna fit-triq u 9 ċiklisti li ġarbu feriti ħfief jew żgħar.
Il-Ħadd kienet l-aktar ġurnata li fiha seħħew inċidenti li kkaġunaw ġrieħi, jiġifieri 16.3% tal-inċidenti kollha, filwaqt li fost il-ġimgħa nhar t’Erbgħa seħħew l-akbar numru ta’ inċidenti.
Minn din l-istatistika ħareġ ukoll li f’dan il-perjodu weġġgħu b’mod gravi 75 persuna, li l-maġġoranza kienu rġiel. B’mod ħafif weġġgħu 328 persuna, 195 raġel u 133 mara.
//= $special ?>