L-Għaqda mhux Governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar ressqet madwar 1,700 petizzjoni kontra żvilupp propost ta’ 30 post residenzjali minflok il-ġnien ta’ Palazzo Giannin.
Din hi t-tieni applikazzjoni li saret fl-aħħar snin għal bini fl-istess post, wara li applikazzjoni oħra fl-2004 kienet rifjutata mill-MEPA fl-2008.
Minbarra l-qerda ta’ dan il-ġnien, dan l-iżvilupp se jwassal ukoll għal periklu ta’ għarar għaliex jingħalaq l-aċċess għal ġibjun kbir taħt din il-villa. Fil-passat diġa’ kien hemm problema b’residenzi mgħarrqa bl-ilma tax-xita għaliex bi żball kien ingħalaq l-aċċess tal-ilma għal dan il-ġibjun.
Il-konferenza tal-aħbarijiet mill-FAA saret fil-ġnien ta’ villa oħra, Villa Mekrech, li kienet salvata xi snin ilu minn żvilupp simili wara l-oġġezzjonijiet li saru. L-għaqda mhux governattiva ddikjarat li s-sitwazzjoni preżenti ġiet diskussa bħala bħala assedju b’ħerba tal-wirt storiku u arkitettoniku.
Astrid Vella, attivista storika favur l-ambjent f’pajjiżna, qalet li l-iżvilupp propost hu ironiku, meta wieħed iqis li s-South Malta Local Plan tiddeskrivi postijiet bħal Ħal Għaxaq, fis-sawt ta’ pajjiżna, bħala postijiet potenzjali għat-turiżmu.
Iddikjarat ma’ Net News li bħalissa għaddejja qerda bla preċedent tal-ambjent f’pajjiżna.
Staqsejna għalhekk xi jwassal lill-periti li jressqu applikazzjonijiet li fuq il-karta jidhru li għandhom jiġu rifjutati.
Il-ġnien ta’ Palazzo Giannin jifforma parti minn tliet ġonna storiċi f’Ħal Għaxaq, flimkien ma’ Villa Mekrech u Ġnien tal-Kmand.
//= $special ?>