Lokali

Il-bdiewa f’Bulebel m’għandhomx jiġu żgumbrati mill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista jrid li Joseph Muscat iżomm kelmtu

In-nies li ilhom jaħdmu l-art agrikola fl-inħawi tal-Bulebel se jibqgħu jsibu lill-Partit Nazzjonalista jkompli jitkellem għalihom jekk il-Gvern se jibqa’ jwebbes rasu li jiżgumbrahom mill-għelieqi tagħhom.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputati Jason Azzopardi u Edwin Vassallo.

Oriġinarjament, Joseph Muscat ried jeqred aktar minn 120,000 metru kwadru ta’ art agrikola f’Bulebel u wara pressjoni li saritlu mill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, kien biddel fehmtu. Wara ż-żjarat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel mal-bdiewa fl-inħawi li kienu se jiġu żviluppati, Joseph Muscat kien qal li se ‘jara li lanqas tintuża’ madwar 25% oħra tal-art li kienet identifikata għall-iżvilupp f’Bulebel.

Issa l-gazzetta Illum kixfet kif l-avviżi ta’ żgumbrament li nħarġu lill-bdiewa f’dawn l-inħawi għadhom ma ġewx irtirat, ifsser li mhux veru li Joseph Muscat għandu l-intenzjoni li jsalva din l-art agrikola. Ifisser ukoll li l-bdiewa f’Bulebel għadhom imdendlin.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Gvern iwettaq dak li wiegħed u minnufih jirtira l-ordnijiet ta’ żgumbrament biex l-art argrikola li kien se jieħu bl-iskuża tal-estensjoni taż-żona industrijali tiġi rilaxxata u tibqa’ tal-bdiewa, li ilhom jaħdmu dawn l-għelieqi għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

“Jekk il-Gvern ma jżommx kelmtu, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-bdiewa f’Bulebel u tan-nies biex din l-art agrikola tiġi salvata mill-iżvilupp.”