Internazzjonali

Il-karozzi fl-UE jrid jibda jkollhom airbag speċjali b’sensor

Mill-31 ta’ Marzu, il-karozzi ġodda kollha fl-Unjoni Ewropea jrid jibda jkollhom sistema speċjali, magħrufa bħala automatic emergency call function jew eCall, biex awtomatikament jissejħu s-servizzi tal-emerġenza f’każ ta’ inċident.
Erik Jonnaert, is-Segretarju Ġenerali tal-assoċjazzjoni ta’ dawk li jimmanifatturaw il-karozzi, l-ACEA, qal li eCAll kellha l-potenzjal li ssalva ħafna ħajjiet billi tqassar iż-żmien li jaslu fil-post is-servizzi tal-emerġenza.
Is-sistema eCall kienet approvata mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fl-2015 u l-perjodu biex il-pajjiżi jlestu għal dan se jiskadi fi tmiem din il-ġimgħa. Il-Kummissjoni Ewropea qed tittama li b’din is-sistema jibdew jiġu salvati 1,500 ħajja kull sena.
L-eCall taħdem permezz ta’ sensors mal-air bags li hekk kif jiġi attivat l-air bag jibgħatu l-ħin u l-post tal-karozza. Permezz tal-eCall se jkun magħruf ukoll jekk is-sistema inxtegħlitx awtomatikament jew manwalment.
Is-sejħa se ssir lin-numru tal-emerġenza 112.