Lokali

“Il-Marsa mimlija nies twajba … il-Marsin salvaw lill-mara attakkata bl-aċtu”

Il-każ ta’ mara ta’ 50 sena li toqgħod is-Swieqi u li sfat attakkata b’arma bil-ponta qabel twaddab fuqha likwidu aċiduż minn raġel ta’ 38 sena residenti Santa Venera xxokkja lill-komunità Marsija.

Kien għall-ħabta tal-11,15am fi Trejqiet Nicolo Isourd fil-Marsa nstema’ għajjat wara argument bejn iż-żewġ persuni, qabel ir-residenti semgħu twerżieq u krib għall-għajnuna hekk kif ir-raġel ħareġ l-arma u attakka lill-mara.

Kien hawn li diversi Marsin ħarġu minn djarhom biex jassistu lill-mara. Waqt li wħud ċemplu għall-assistenza tal-Pulizija u tim mediku mill-isptar Mater Dei, oħrajn b’kuraġġ ħarġu jgerrxu lill-agressur.

L-att kuraġġuż ta’ dawn il-Marsin wassal biex ir-raġel ħarab mil-post, iżda nqabad ftit wara, waqt li r-residenti baqgħu jassistu lill-mara sal-wasla tat-tim mediku.

F’kumment lil Net News, resident milli nzertaw fil-post spjegalna kif “għall-kuntrarju tal-istampa li spiss titpinġa fuq il-Marsin, il-maġġoranza tagħna nies twajba.”