Ambjent Lokali

L-FKNK mhux se tittollera illegalitajiet

"Ħadd m'għandu jkun kaġun għar-rovina tax-xogħol kollu u l-flus kbar li qed jinvestu l-FKNK"

Filwaqt li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tawgura staġun tajjeb lill-kaċċaturi matul il-kaċċa tradizzjonali tar-Rebbiegħa li se jiftaħ fl-1 t’April, il-Federazzjoni wissiet lill-istess kaċċaturi li l-FKNK mhix ser tittolera ebda illegalità li tista’ twassal għall-konsegwenzi drastiċi, apparti li kull illegalità tista’ wkoll tippreġudika l-ftuħ ta’ staġuni tar-Rebbiegħa tal-futur.

Fi stqarrija l-FKNK fakkret illi l-istaġun se jkun miftuħ għall-kaċċa tas-summien biss, u fil-ħinijiet u skont il-kwoti stabiliti, b’liċenzja speċjali u konformi mall-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tad-deroga li qed tiġi applikata.

Kull illegalità, nkluż qbid, teħid jew attentat ta’ qbid ta’ xi tajra oħra, inkluż tal-gamiema, tista’ tkun soġġetta għall-multi u pieni ħorox ta’ eluf kbar ta’ ewro, priġunerija u telf tal-liċenzja għall dejjem, fost pieni oħra li jistgħu jkunu mposti mill-Qrati.

“Ħadd m’għandu jkun kaġun tar-rovina u l-ħela tax-xogħol kollu u l-flus kbar li qed jinvestu l-FKNK sabiex isir minn kollox biex mill-aktar fis possibbli jista’ jkollna l-possibbiltà li terġa tkun permessibli l-kaċċa tradizzjoni tar-Rebbiegħa, kemm tas-summien kif ukoll tal-gamiem”, ittemm tgħid l-istqarrija.