Lokali Sport

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tiltaqa’ uffiċjalment mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport Ryan Callus

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus flimkien mal-uffiċjali ta' Tim Sport PN u l-uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports
L-Għaqda Ġurnalisti Sports tippreżenta tliet proposti

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kellu laqgħa uffiċjali mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Isport Ryan Callus fejn ġew diskussi diversi temi li jitrattaw l-Isport f’pajjiżna.

Ryan Callus filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Għaqda Ġurnalisti Sports faħħar u awgura wkoll lill-ġurnalisti kollha li jirraportaw l-isport li jaħdmu f’din il-professjoni tant importanti sabiex titkattar aktar il-kultura sportiva f’pajjiżna.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni emfażizza fuq l-importanza ta’ Sport nadif u għamel aċċenn għal-Liġi dwar il-Korruzzjoni fl-Isport li bdiet tiġi diskussa fil-Parlament ftit tal-jiem ilu u liema dibattitu fuqha se jkompli malli jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament wara l-festi tal-Għid.

Ryan Callus semma li hu personali fi ħdan il-Board tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet f’isem l-Oppożizzjoni vvota favur id-deċiżjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħata binja fil-Belt Valletta sabiex din eventwalment tkun żviluppata f’Mużew tal-Isport. Hu tenna jgħid li “l-isport għandu jkun mezz li jgħaqqadna bħala poplu fejn nwarrbu l-partiġġjaniżmu sabiex naħdmu flimkien għal rizultati tajbin.”

Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports filwaqt li awgura li r-relazzjoni mal-Partit Nazzjonalista tkompli tisaħħaħ fuq ir-relazzjoni li mbniet matul l-aħħar snin, elenka wkoll it-tliet proposti li l-Għaqda Ġurnalisti Sports qed tressaq b’mod uffiċjali lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni, liema proposti jekk ikunu mwettqa, l-Isport f’pajjiżna jista’ jieħu dimensjoni oħra u jitla’ aktar ‘l fuq fl-aġenda tal-pajjiż.

It-Tliet proposti tal-Għaqda Ġurnalisti Sports huma:

1. Il-Partiti Politiċi għandhom iwiegħdu fil-programm elettorali tagħhom qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, li l-Isport jitla’ f’livell ta’ Ministeru u ma jibqax fuq livell ta’ Segretarjat Parlamentari.

2. Il-Gvern permezz ta’ SportMalta għandu jidentifika 10 Assoċjazzjonijiet Sportivi hekk meqjusa bħala ‘organizzati tajjeb’ u li l-Isport tagħhom jista’ fil-futur qarib jikseb riżultati tanġibbli fix-xena internazzjonali u jassenjalhom permezz ta’ secondment, persuna li jaħdem fiċ-ċivil u dan ikun l-Amministratur full-time tal-Assoċjazzjoni. Dan għandu jsir wara sejħa interna fiċ-ċivil  bil-kundizzjoni li l-ħaddiem jerġa’ lura fil-grad oriġinali tiegħu jekk jiddeċiedi li jieqaf jaħdem mal-Assoċjazzjoni.

3. Il-Gvern ikompli iżid il-budget għall-Isport għall-assistenza diretta lill-atleti b’miljun ewro fis-sena fuq medda ta’ ħames snin u ż-żieda fil-vot tkun irrispettivament jekk f’dik is-sena partikolari jkunx hemm kompetizzjoni internazzjonali bħal Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar eċċ. Fil-Budget li jressaq il-Gvern ta’ kull sena għandu jkun hemm distinzjoni bejn il-vot għall-proġetti kapitali bħal faċilitajiet sportivi u l-vot li jmur direttament għall-assistenza u għat-taħriġ tal-atleti Elite.

Id-delegazzjoni tal-Għaqda Ġurnalisti Sports kienet immexxija mill-President Sandro Micallef filwaqt li Ryan Callus kellu jakkumpanjawh lil diversi membri ta’ Tim Sport PN.