William Henry Bush, ħu l-eks-President Amerikan George H.W. Bush, u z-ziju ta’ George W. Bush, eks-President ieħor, miet ftit tal-jiem ilu fl-età ta’ 79 sena. ‘Bucky’ Bush – kif kien magħruf – kellu sehem importanti ħafna biex is-Summit stroriku bejn George W. Bush u l-President Sovjetiku Mikhail Gorbachev, isir f’Malta, f’Diċembru tal-1989.
Fir-rapporti dwar il-mewt tiegħu fil-midja Amerikana saret referenza għas-‘sehem’ tiegħu f’dak is-Summit. Dak is-Summit baqa’ kkunsidrat bħala wieħed storiku għaliex kien witta t-triq għat-tmiem tal-hekk imsejħa ‘gwerra bierda’ bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika. Storiċi importanti kienu ddeskrivew is-Summit ta’ Malta bħala l-aktar laqgħa importanti bejn iż-żewġ naħat minn dik tal-1945 f’Yalta, li fiha kienet deċiża t-triq ’il quddiem wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Dwar is-sehem li kellu ‘Bucky’ Bush fis-Summit tal-1989 kiteb Eddie Fenech Adami fl-awtobijografija tiegħu: ‘My Journey’.
Fenech Adami jgħid li hu kien iltaqa’ ma’ ‘Bucky’ Bush f’Kastilja fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta. Hu kien wassallu x-xewqat sbieħ ta’ ħuh, il-President Amerikan, iżda l-PM Fenech Adami ma kienx għadu jaf kemm din iż-żjara kienet impressjonat lil dan il-viżitatur Amerikan.
Madankollu, ‘Bucky’ kien informa lil Fenech Adami li ħuh kien qed iħares ’il quddiem biex jiltaqa’ miegħu personalment, fi ftit jiem wara, meta l-PM Malti kellu jattendi għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Fl-awtobijografija tiegħu, Eddie Fenech Adami jgħid li meta kien qed jattendi okkażjoni pubblika, xi uffiċjali tal-White House marru fuqu u talbuh imur ipoġġi fuq il-mejda ħdejn il-President Bush. Fenech Adami jgħid li dik kienet okkażjoni tajba biex it-tnejn ikollhom konverżazzjoni twila bejniethom. F’dik l-okkażjoni, il-President Bush ma kien semmielu xejn dwar is-Summit.
Ftit jiem wara li wasal lura minn New York, Eddie Fenech Adami rċieva talba mill-Ambaxxaturi tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Sovjetika f’Malta biex ikellmuh. Kien f’din il-laqgħa li ż-żewġ Ambaxxaturi infurmawh li ż-żewġ pajjiżi xtaqu li l-Presidenti tagħhom jiltaqgħu f’Summit f’Malta. Fenech Adami jgħid li hu pront qalilhom, “Nilqagħhom b’dirgħajja miftuħin.”
Kien ‘Bucky’ Bush li ssuġġerixxa li s-Summit isir f’Malta wara li hu nnifsu kien qatta’ ftit jiem hawn. Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan staqsa lil Mikhail Gorbachev jekk kienx jaqbel. U dan wera l-approvazzjoni tiegħu.
B’ton pjuttost umoristiku, il-midja Amerikana fl-aħħar jiem ikkummentat li filwaqt li s-suġġeriment ta’ ‘Bucky’ Bush kien eċċellenti, hu ma kienx kapaċi jbassar li, propju fil-jiem tas-Summit, Malta kellha tintlaqat minn tempesta eċċezzjonali.
Minkejja l-maltemp, is-Summit ta’ Malta għadu sal-lum rikonoxxut bħala dak li wassal għat-tmiem tal-Gwerra l-Bierda u b’tant konsegwenzi pożittivi mhux biss għal dawk iż-żewġ nazzjonijiet, iżda għad-dinja kollha.
Dak is-Summit, li seħħ ftit żmien minn meta l-Partit Nazzjonalista f’Mejju 1987 kien reġa’ beda jmexxi lil Malta wara 16-il sena ta’ Gvern Laburista li każbar isem Malta madwar id-dinja, kien għamel ġid kbir għall-immaġni ta’ pajjiżna.
Mistoqsi dwar dan, Eddie Fenech Adami spiss kien jgħid li dak kien “rigal speċjali tal-Presidenza lil Malta”.
//= $special ?>