Lokali

AĠĠORNATA: U-turn mill-Gvern Malti; l-ambaxxatur f’Moska jissejjaħ lura f’pajjiżna

Skripal kien għamel żmien impjegat fl-ambaxxata li kellha l-eks Unjoni Sovjetika f'Malta fis-snin Tmenin

Wara l-attakk fuq l-eks spjun Sergei Skripal u bintu Yulia f’Salisbury, Malta kienet iddeċidiet li iżżomm il-missjoni diplomatika fil-kapitali Moska. Fil-fatt, dan ġie konfermat mill-Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja Kurt Farrugia f’kummenti lil Sky News.

Iżda għall-ħabta tas-2pm (sitt sigħat wara dak li żvelajna fuq dan is-sit) il-Gvern għażel li jbiddel il-pożizzjoni tiegħu.

Fi stqarrija fil-fatt tħabbar illi l-ambaxxatur f’Moska Carmel Brincat se jinġieb lura Malta għal “konsultazzjoni politika”.

AKTAR KMIENI

F’artiklu li tpoġġa’ fuq il-website ta’ Sky kmieni dalgħodu, il-ġurnalisti Ingliżi jiddeskrivu r-rabtiet li hemm bejn il-Gvern Malti u r-Russja. “Malta hi magħrufa għall-mod li bih tgħin sinjuruni Russi jieħdu passaport Ewropew (Malti) permezz ta’ skema ta’ bejgħ tal-passaporti li hi kontroversjali u dubjuża”.

Il-ġimgħa li għaddiet, waqt summit tal-UE, il-mexxejja tal-UE qablu li kollox kien qed jindika li r-Russja kienet wara l-avvelenament ta’ Sergei Skripal f’Salisbury, u kienu se jieħdu l-passi. Ir-Russja, min-naħa tagħha, qed tibqa’ tiċħad bil-qawwa li kellha x’taqsam f’dan il-każ.

Fl-attakk intużat tip ta’ kimika velenuża li hi manifatturata fil-laboratorji militari Russi, u maħluqa propju mir-Russja biex tintuża fl-armi kimiċi. Sa fejn hu magħruf, m’hemm l-ebda pajjiż li ħoloq din il-kimika.