Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalisti fil-Munxar Damien Spiteri u Paul Curmi, fi stqarrija qalu li jinnutaw b’sodisfazzjon li l-mozzjoni mressqa minnhom f’laqgħa urġenti tal-Kunsill imsejħa mill-istess kunsillieri Nazzjonalisti ġiet approvata unanimament, hekk kif ippreżentata.
Il-mozzjoni titratta l-applikazzjoni għall-ipproċessar tal-ħmieġ tal-annimali li hija ppjanata li ssir fil-lokalità tal-Munxar. Huwa mistenni li jekk din l-applikazzjoni tiġi approvata u l-proġett isir, se jħalli impatt negattiv enormi kemm fuq il-lokalità kif ukoll fuq ir-residenti.
Bla ebda dubju, fost l-oħrajn, wieħed mill-impatti l-aktar negattivi jkun il-fatt li kull vettura li tkun qed iġġorr dan l-iskart li jrejjaħ, irid jgħaddi miċ-ċentru tar-raħal kif ukoll minn diversi toroq residenzjali tal-lokalità. Dan minbarra l-inkonvenjenza li se tinħoloq peress li se jiżdied bil-bosta t-traffiku ta’ vetturi kbar fil-lokalità matul il-ġurnata kollha. Tali proġett jista’ jwassal ukoll għal detriment fuq saħħet in-nies tal-lokal.
Il-kunsillieri Nazzjonalisti sostnew fl-istess laqgħa li f’każ li jsir dan l-impjant, l-impatt negattiv mhux biss ikun fuq ir-residenti preżenti iżda wkoll fuq ir-residenti futuri tal-Munxar. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li minkejja li l-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Munxar jinsabu fil-minoranza, irnexxilhom jieħdu din l-azzjoni pronta u f’waqtha b’risq ir-residenti kollha tal-Munxar.
Il-kunsillieri Nazzjonalisti filwaqt li jirringrazzjaw lil dawk ir-residenti li attendew għal-laqgħa b’urġenza, fejn kellhom ukoll l-opportunità li jipparteċipaw fiha, jassiguraw lil kulħadd li se jaraw li l-mozzjoni kif approvata titwettaq fit-totalità tagħha sabiex ikunu ċerti li x-xewqa tar-residenti Munxarin titwettaq fl-aħjar interess tagħhom u tar-raħal. Fl-aħħar tal-istqarrija, il-kunsilliera Damien Spiteri u Paul Curmi wegħdu li se jkomplu jaħdmu favur u jissalvagwardjaw l-interessi u d-drittijiet tar-residenti kollha tal-Munxar.
//= $special ?>