Lokali

Muscat jinżel Dubaj qabel jasal l-Awstralja

Arkivji
Muscat se jkollu laqgħat ma' negozjanti u nies mid-dinja tal-business

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi triqtu lejn l-Awstralja fejn fil-jiem li ġejjin se jkollu numru ta’ impenji fi bliet differenti. Qabel wasal l-Awstralja, Muscat għamel waqfa f’Dubaj.

F’Melbourne, il-Prim Ministru se jkollu taħditiet ma’ għaqdiet ewlenin tan-negozju u tal-kummerċ
Awstraljan.

Fi Brisbane, Muscat se jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tal-istat ta’ Queensland u se jieħu sehem
f’forum tal-Commonwealth dwar l-innovazzjoni.

Bħala ċ-chair-in-office tal-Commonwealth, il-Prim Ministru se jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth u se jżur il-kontinġent Malti li se jirrappreżenta lil pajjiżna f’dawn il-kompetizzjonijiet.

Il-Prim Ministru jinsab akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela u mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima.

L-istqarrija tal-Gvern ma tatx aktar dettalji dwar nies oħra li qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru. Iżda mad-delegazzjoni hemm preżenti żgur Mark Cutajar, li fil-jiem li għaddew jidher li reġa’ ingħata l-inkarigu ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta.