Lokali

Rabta bejn il-bank Pilatus u l-bejgħ tal-passaporti

Qed issir ħsara lir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji

L-aħbar li ngħatat mit-Times of Malta, li l-bank Pilatus kien qed jintuża minn persuni barranin biex minnu jgħaddu flus għax-xiri taċ-ċittadinanza, hija konferma oħra li l-bank Pilatus qed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji.

Kienet il-midja illi kixfet kif persuni li xtraw passaport Malti fetħu kontijiet fil-bank Pilatus u wżawhom biex jgħaddu l-flus minnhom.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saqsa min kienu l-persuni u l-kumpaniji li nsistew ma’ dawn il-persuni sabiex jiftħu kontijiet fil-bank Pilatus u xi rwol kellha Identity Malta?.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li rapport tal-FIAU li kien żvelat matul is-sena li għaddiet, wera li kontijiet fil-bank Pilatus kienu qegħdin jintużaw għall-ħasil ta’ flus li jkunu ġejjin mill-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.

Dan Ir-rapport tal-FIAU kien talab lill-Pulizija biex tieħu azzjoni dwar ħasil ta’ flus iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni.