Lokali

Wara 24 siegħa mill-istedina li għamel il-Kap tal-PN Adrian Delia, s’issa l-Prim Ministru għadu ma weġibx

L-ebda tweġiba wara 24 siegħa minn meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru Edward Scicluna sabiex b’risposti ċari, jgħidu liema kien il-correspondent bank li kellu bżonn il-bank Pilatus sabiex dan seta’ jopera f’Malta.

Adrian Delia għamel din l-istedina waqt intervista fil-programm Net Live li xxandar fuq Net Television it-Tlieta filgħaxija fejn għamel ukoll numru ta’ mistoqsijiet oħra dwar il-bank Pilatus.

Fost oħrajn Adrian Delia staqsa jekk il-bank Pilatus ippruvax jiftaħ kont mal-Bank of Valletta, u jekk hux veru li wara d-due diligence, l-kont ta’ Pilatus kienx irrifjutat? Staqsa wkoll jekk saritx pressjoni fuq xi ħaddiema biex il-kont jinfetaħ xorta u jekk din il-pressjoni saritx minn uffiċjal, politiku jew awtorità.

Adrian Delia sostna li dawn il-mistoqsijiet qed jagħmilhom f’isem il-poplu Malti u Għawdxi u kemm Joseph Muscat kif ukoll Edward Scicluna huma obbligati li jagħtu risposti cari għal dawn il-mistoqsijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern huwa obbligat li jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta għaliex hemm aktar minn 18,000 persuna li jaħdmu u jaqilgħu l-għajxien tagħhom mis-settur tas-servizzi finanzjarji.