Lokali

FILMAT: “Bis-saħħa tal-midwife, illum Zian għadu magħna”

Din hi l-istorja ta' Zian, tarbija li ta' 3 ġimgħat kellu jittieħed l-Ingilterra għal sensiela ta' operazzjonijiet

Zian fl-eta’ tenera ta’ tliet ġimgħat kellu jittieħed l-Ingilterra sabiex fuqu ssir operazzjoni delikata ħafna. Ftit wara li twieled, il-qabla li kienet qed tieħu ħsiebu, indunat li kellu problema fil-fwied tiegħu.

Il-papà ta’ Zian, Karl, stqarr li meta twieled kollox kien sejjer tajjeb sakemm kienet il-qabla li ndunat li mill-bżonnijiet tiegħu, kien hemm xi ħaġa ħażina. Stqarr li kif familtu saru jafu bl-aħbar, ma baqgħatlux saħħa f’ġismu u moħħu kien biss iffukat fuq it-tifel tiegħu. Illum, Zian għandu 10 xhur, u diġa’ tela’ 3 darbiet għall-kura l-Ingilterra.

Il-papà u l-mamà, flimkien ma’ Zian

Anke n-nannu ta’ Zian qal li flimkien mat-tifel, il-familja għaddiet minn żminijiet diffiċli ħafna. Meta saru jafu bl-aħbar kerha, għalihom kienet sorpriża kbira għaliex ma stennewiex. Kellu jiddaħħal malajr fl-emerġenza, u f’temp ta’ tliet ijiem ittieħed l-Ingilterra biex jiġi operat. Semma’ kif Puttinu mhux biss ipprovda akkomodazzjoni fl-Ingilterra, iżda anke ħa ħsieb il-familjari – u grazzi għal dan l-intervent mediku, Zian mar ‘l quddiem. Żied li issa hu l-obbligu tagħhom li wara dak kollu li għamlu ma’ Zian, issa jgħinu lil dawk it-tfal kollha li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu.

Pero grazzi għall-interventi mediċi, u l-għajnuna ta’ Puttinu llum Zian jinsab ħafna aħjar. Karl qal li għat-tifel tiegħu u għal familtu mnalla kienu Puttinu li mal-ewwel bdew jgħinuh u ħaffew ħafna mill-problemi li laqgħu magħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Stqarr li Puttinu ħadu ħsieb il-post tal-akkomodazzjoni u ħafna affarijiet oħrajn, għalhekk imnalla kien Puttinu għalihom.

Zian flimkien man-Nannu

Karl stqarr li hi iebsa ħafna tara lill-ibnek f’dik il-kundizzjoni, u dak il-ħin tibda tgħid li aħjar tkun fuqek milli fuq ibnek. “Li tara quddiemek tifel ta’ 3 ġimgħat, innoċenti.. iebsa ħafna”, stqarr missier Zian, fejn tenna li Zian għamel madwar 7 sigħat f’operazzjoni waħda. Issa Zian jinsab ħafna aħjar, iżda ‘l quddiem Zian jista’ jerġa’ jiġi bżonn xi intervent ieħor.

Il-Ġimgħa, waqt il-programm Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali, se ssir maratona ġbir ta’ fondi għall-Puttinu – u hemmhekk se jkun hemm il-familjari ta’ Zian biex jilqgħu t-telefonati bid-donazzjonijiet tagħkom, u jgħidulkom grazzi talli qegħdin tgħinu lil Puttinu. Il-papa ta’ Zian qal li hu qatt ma basar li se jkun qiegħed f’din is-sitwazzjoni, u għalhekk iħeġġeġ lin-nies biex jgħinu lill-Puttinu għaliex imnalla jkunu huma f’dawk is-sitwazzjonijiet koroh.

Ritratti: Matthew Tabone, Timo Turpeinen

Filmati: Noel Zammit

Muntaġġ: Maria Grech