Wara li ftit tas-snin ilu, b’insistenza tal-Kunsillieri tal-PN, il-pjazza tal-Ħamrun ma ċkinietx, issa qamet kontroversja ġdida dwar il-kjosk.
Dan l-aħħar, ftit qabel beda x-xogħol ta’ refurbishment fuq il-kiosk, sid il-kiosk iltaqa’ mal-Kunsill Lokali fejn talab li jarma kiosk temporanju sakem dak attwali ma jkunx utilizzabbli. Hu qal li dan ix-xogħol għandu jieħu madwar 8 ġimgħat. Bħala kunsill, inklużi l-kunsilliera tal-PN, ma oġġezzjonawx diment li kollox isir skond il-liġi.
Dan is-sit hu nfurmat li fl-1 ta’ Frar, intbgħatet email mill-Kunsill lil sid il-Kiosk tgħidlu li l-permess li għandhu f’idejh huwa validu għal 15 il-ġurnata u li jekk irid imur oltre dan il-perijodu, jrid iġib il-permessi mill-PA u d-Dipartiment tal-Artijiet.
Sorsi tagħna qalulna li meta skadew il-15 il-jum, inħariġlu permess ieħor ta’ 15 il-ġurnata.
Il-kunsillieri tal-PN fil-Ħamrun qed jistaqsu, x’permessi għandu dan il-kjosk u kif inħarġulu? Jista’ jkun li nħarġulu serie ta’ permessi tal-Kunsill u allura qed idur mal-liġi u r-regolamenti bl-għajnuna tal-Kunsill?
Dawn huma l-mistoqsijiet li qed jagħmlu l-Ħamruniżi, qalilna l-minority leader Antonello Cuschieri. “Malli ntrama l-kiosk temporanju, ġejna bbumbardjati b’telefonati u lmenti, li ħafna minnhom fehmu għaliex dan intrama. Iżda issa li t-8 ġimgħat kważi ntemmu u għad m’hemmx ħjiel tal-kiosk il-ġdid, reġa’ beda l-inkwiet fost ħafna nies”, qalilna l-kunsillier tal-PN.
//= $special ?>