Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qal li jilqa’ b’sodisfazzjon deċiżjoni mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjannar kontra l-bini ta’ shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien mill-bidunett oġġezzjona għall-applikazzjoni li kienet saret lill-Awtorità tal-Ippjannar sabiex tinbena shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq li tinsab fil-konfini tas-Siġġiewi.
Il-Kunsill Lokali kien ressaq dawn r-raġunijiet:
1. L-iżvilupp propost ser jikkawża tniġġis mill-istorbju (noise pollution) f’żona li hija kkaratterizzata minn kwiet tipiku ta’ żona rurali bħalma hi dik ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi;
2. Is-sit tal-iżvilupp propost huwa viċin ħafna – madwar 50 metru biss – tal-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq li għandha valur storiku u kulturali kbir u għalhekk jixraq li tiġi mħarsa b’kull mezz possibbli;
3. L-iżvilupp propost ser ikollu impatt negattiv fuq iz-zona ta’ Ħal Xluq bħala Small Rural Settlement (Category 3 Settlements ODZ) għal użu residenzjali skont kif stabbilit mill-Pjan Lokali għall-Majjistral ta’ Malta (NWRS 4); u
4. L-iżvilupp propost huwa nkompatibbli mas-sit innifsu u maż-żona ta’ Ħal Xluq li hija waħda rurali u li l-użu tagħha huwa limitat għall-agrikoltura.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali flimkien ma’ entitajiet oħra fosthom il-Parroċċa tas-Siġġiewi, Din l-Art Helwa u residenti Siġġiwin, li oggezzjonaw mill-bidunett għal shooting range f’din iz-zona, rnexxilhom jipproteġu il-karattru rurali taż-żona tal-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq. Din iż-żona tirrapreżenta wirt kulturali li huwa uniku mhux biss ghas-Siġġiwin iżda għal pajjiżna u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Alessia Psaila Zammit qalet li minbarra li jaħdem biex jipproteġi din iż-żona, il-Kunsill Lokali qiegħed ukoll jinvesti biex isaħħaħ din iż-żona. Hi fakkret li xahar ilu, il-Kunsill Lokali tas-Siggiewi investa f’wiċċ ġdid għat-triq li twassal lejn il-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Hal Xluq b’fondi ko-finanzjati mil-UE għal toroq rurali. Dan ix-xahar, l-Kunsill Lokali investa fi triq oħra li hija viċin iż-żona ta’ Ħal Xluq li hija Triq Wied Costa li ukoll saret b’fondi mill-UE. Dan filwaqt li l-Kunsill Lokali qieghed f’kuntatt mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex isir progett b’fondi tal-UE għall-immaniġġjar aħjar tal-ilma fl-inħawi rurali vicin u biex jinghata wicc gdid lil iktar toroq ohra fl-inħawi.
Kull sena, il-Kunsill Lokali jinvesti wkoll f’għajnuna lill-għaqdiet lokali li fis-Sajf jorganizzaw il-festa tradizzjonali tal-Madonna ta’ Ħal Xluq. Il-Kunsill Lokali huwa mpenjat li jibqa’ jipproteġi u jsaħħaħ din iż-żona sabiħa u rurali tas-Siġġiewi.
Informazzjoni dwar l-istorja ta’ Ħal Xluq
Meta, fl-1575 il-Viżitatur Appostoliku Mons Pietru Duzina żar is-Siġġiewi, imxerrdin qalb l-għelieqi lejn in-naħat ta’ Ħal-Xluq, kienu jinsabu sitt kappelli żgħar. Minn dawn f’inqas minn 50 sena kien għad fadal biss tnejn, fosthom il-Kappella ta’ Santa Marija li għadha wieqfa sal-lum.
Fl-1419, 17-il raġel kienu msejħin għad-Dejma li jfisser Ħal Xluq kellu popolazzjoni ta’ madwar 80 ruħ. Fl-1615, il-kappella, minħabba li kienet tinsab nofsha mġarrfa, twaqqet u reġgħet inbniet mill-ġdid minn Dun Stiefnu Buttigieg. Niesu, li kienu jieħdu ħsiebha, kienu minn Ħal Xluq. Fosthom insibu lil Dun Gwann Pawl li ħalla xi benefikati ghall-ħtiġijiet tal-kappella; huwa bena wkoll u kien joqgħod f’dik il-binja kbira li tidher nofs triq bejn l-istatwa ta’ Santa Marija u l-kappella. Sal-1630 kien għad baqa’ n-nies jgħixu f’Ħal-Xluq u għalhekk kien meqjus bħala raħal għalih għalkemm dipendenti mis-Siġġiewi. Maż-żmien in-nies bdew, kulma jmur, aktar jonqsu minħabba mard u bosta raġunijiet oħra. Madankollu l-festa tat-Tlugħ ta’ Santa Marija fis-Sema baqgħet dejjem issir u fl-aħħar snin din l-festa kompliet tissaħħaħ.
Sal-lum, din il-festa għadha tiġbed bosta nies kemm mis-Siġġiewi kif ukoll minn bnadi oħra. Fil-għaxija wara l-funzjoni, bit-tħabrik tal-Għaqda tan-Nar San Nikola, Siggiewi u b’għajnunamill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi issir il-fiera kif ukoll festa bl-ikel, it-tiżjin u l-mixgħela li joħolqu atmosfera ta’ festa ġenwina li tnissel hena u ferħ f’qalb kull min jieħu sehem.
Ta’ kull sena, bejn San Nikola tax-xitwa u l-10 ta’ Dicembru, il-Fondazzjoni Patrimonju Siggiewi li taħdem fuq restawr tal-wirt kulturali tar-raħal tas-Siggiewi, ittella’ f’din il-kappella wirja ta’ pitturi u xogħolijiet artistiċi.
//= $special ?>

