Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Ir-residenti tal-Munxar inkwietati dwar id-demmiela

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti sostnew li se jibqgħu impenjati li jaħdmu favur l-interessi tan-nies

“In-nies tal-Munxar se jsibu li l-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi tagħhom ukoll, bħalma kien il-vuċi għall-bdiewa fiż-Żonqor u f’Bulebel.” Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-post fejn huwa ppjanat li jsir l-impjant tal-ipproċessar tal-ħmieġ tal-annimali fil-Munxar.

Chris Said qal li jekk dan l-impjant isir kif ippjanat fil-Munxar, dan se jħalli impatt negattiv kemm fuq is-saħħa tan-nies, fuq il-lokalità u l-komunità tal-futur. Dan apparti ammont sostanzjali ta’ vetturi li jġorru dan il-ħmieġ, li se jgħaddu miċ-ċentru tal-lokalità u jħallu l-irwejjaħ, b’detriment għar-residenti u b’żieda fil-problema tat-traffiku.

Il-Partit Nazzjonalista mhux kontra li jsir l-iżvilupp ta’ impjant bħal dan, iżda dan għandu jsir f’post alternattiv li ma jkunx qrib fejn jgħixu n-nies. Għalhekk ukoll il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-interessi tar-residenti tal-Munxar, speċjalment għaliex ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-impatt li dan l-impjant se jħalli fuq in-nies.

Robert Cutajar qal li l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista qed jirnexxilhom ikunu effettivi wkoll fejn jinsabu fil-minoranza fil-Kunsilli Lokali. Huwa sostna li l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista qed iwasslu l-messaġġ li qegħdin iservu fil-Kunsilli Lokali sabiex ikunu l-vuċi tan-nies.

Robert Cutajar qal li dan qed isir billi jkunu pożittivi u jieħdu miżuri pro-attivi għal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Huwa qal ukoll li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni u deċiżjonijiet li mhux fl-interess tan-nies saru l-ordni tal-ġurnata għall-Gvern. Dan il-każ tal-Munxar huwa biss ħolqa f’katina ta’ deċiżjonijiet ħżiena.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Munxar Damien Spiteri u Paul Curmi spjegaw kif ressqu mozzjoni li qed titlob li ssir evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-iżvilupp mill-esperti, liema evalwazzjoni tiddefinixxi l-konsegwenzi li jkollhom ibatu minnhom in-nies fil-Munxar.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti sostnew li se jibqgħu impenjati li jaħdmu favur l-interessi tan-nies u se jibqgħu wkoll jissalvagwardjaw l-interess tal-lokalità tal-Munxar.