Lokali

Jekk illum fi ħsiebek titla’ Għawdex aħsiblu kmieni

Hekk kif illum wara nofsinhar numru ta’ nies reħewlha lejn il-gżira Għawdxija sabiex iqattgħu tmiem il-ġimgħa tal-Għid mal-familja jew mal-ħbieb – m’hemm l-ebda dubju li bdew jinġemgħu ġmielhom il-vetturi fit-tramuntana ta’ Malta.

Madanakollu kawża tal-ħsara li ġarrab dalgħodu vapur tal-Gozo Channel, il-Malita, din il-kamra tal-aħbarijiet hija nfurmata li preżentament is-servizz qed jaħdem b’żewġ vapuri jaqsmu bejn il-Fliegu minflok tlieta.

Għaldaqstant diversi persuni li tkellmu ma Net News saħqu li preżentament jinsabu maqbuda fi traffiku enormi fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa.

Raġel spjegalna li ilhom maqbuda fejn il-Bajja tal-Għadira ‘il fuq minn tlett kwarti.

Dan filwaqt li mara qaltilna li ilha fuq tal-linja lejn Għawdex għal din l-aħħar siegħa w nofs.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-Pulizija tat-traffiku qed jiddevjaw il-vetturi sabiex isuqu lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa min-naħa ta’ Paradise Bay.