Lokali

L-AGGRESSJONI BL-AĊTU FIL-MARSA: L-allegat aggressur attakka lill-istess mara sitt snin ilu

Ilbieraħ fil-Marsa attakka lill-mara b'turnavit u wadbilha l-aċtu

Ir-raġel miżmum mill-Pulizija b’rabta mal-attakk bl-aċtu fil-Marsa ġie identifikat bħala Noel Calleja – l-istess raġel li f’Settembru tal-2012 attakka lill-istess mara fiz-zona Ta’ Farżina f’Ħal Qormi, u wara li għamel 14-il siegħa maħrub, qatta’ 5 sigħat jhedded li se jaqbeż minn fuq pupress ta’ dar privata.

Rapporti qed jindikaw li l-vittma hi Jacqueline Depasquale li għandha 50 sena. Ilbieraħ iż-żewġ persuni kellhom argument jaħraq fi Trejqet Isouard il-Marsa. Kien hawn li Calleja allegatament attakka lill-mara b’turnavit u wadbilha xi aċtu.

Il-kundizzjoni tal-mara hija waħda serja, imma stabbli.

Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta mill-Maġistrat Doreen Clarke.

Wieħed irid jirrimarka li anke Depasquale fil-passat riċenti xellfet dufrejha mal-ġustizzja. Dan meta fl-2015 ingħatat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs meta nstabet ħatja li fl-2009, meta kienet infermiera, daħħlet droga fil-ħabs.