Ambjent Lokali

“Mhux veru li din l-art kollha se tinbidel f’appartamenti”

Triq il-Ħatem f'Ħal Għaxaq
75 fil-mija tal-proġett se jkun ġonna

B’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet mogħtija minn Flimkien għal Ambjent Aħjar, wieħed mis-sidien ta’ art li tinsab fi Triq San Filippu Ħal Għaxaq u li twassal sa Triq Ħatem insista ma’ dan is-sit illi dak li ntqal mill-FAA hu biss miżinformazzjoni u fatti manipulati.

Fi stqarrija li rċieva dan is-sit, jintqal illi mhux veru li z-zona kollha se tkun mibdula f’appartamenti. L-iżvilupp se jinkludi biss 25 fil-mija tal-art in-kwistjoni. 75 fil-mija tal-proġett se jkun ġonna.

Is-sidien qed jgħidu li l-art se ssir bħala kumpless esklussiv, jew Boutique Hotel jew dar għall-anzjani. Bini li hemm preżenti, u li skont is-sidien hu abbandunat, jista’ jinbidel f’sala għat-tiġijiet.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-iskedar tas-sit hu null għaliex sar wara li ħareġ l-Outline Development Permit.

Is-sid ta’ din l-art f’Ħal Għaxaq spjega ukoll li l-probelmi ta’ għargħar ilhom snin, u kien għalhekk illi inbena ġibjun fi Triq il-Ħatem.