Mara spiċċat l-Isptar Mater Dei wara argument jaħraq li żviluppa f’dar fis-Siġġiewi lbieraħ, fejn koppja ġew fl-idejn fuq il-kustodja ta’ tifel. Il-każ spiċċa l-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
Ir-raġel, Christopher Cachia ta’ 35 sena, tressaq il-Qorti mill-Ispettur Roderick Agius. Cachia kien akkużat b’attentat ta’ qtil, li attakka lil oħt martu, li attakka lil missierhom, u li kiser il-paċi pubblika.
Il-vittma qed tkun rikoverata fl-ITU wara daqqa kbira li qalgħet f’ġenbha b’injama, u li kkawżat emoraġija interna mill-milsa.
Fil-Qorti, l-Ispettur Agius spjega l-fatti kif ġraw u kif l-argument eskala meta t-tifel ma riedx imur ma missieru. Hawn, intervjeniet oħt l-omm, li spiċċat vittma ta’ daqqa kbira.
L-allegat aggressur spiċċa arrestat fis-sala tal-ITU stess.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri oġġezzjonaw għax-xiehda tal-Ispettur, u sostnew li l-klijent tagħhom kien biss qed jiddefendi ruħu. “Kien hemm nuqqas ta’ qbil u spiċċa aggredit”, qal l-avukat Debono.
Id-difiża qed tinsisti li l-akkużi f’dan il-każ huma eżaġerati.
L-Ispettur wieġeb billi qal illi r-raġel ammetta magħhom li fl-inċident “tilef rasu”.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal liberta’ proviżorja.
//= $special ?>