Ambjent Lokali

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjannar jagħti raġun lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq appell dwar de-scheduling f’Ta Dmejrek

Titħassar deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjannar dwar bidla fl-iskedar ta’ art fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Dmejrek, fis-Siġġiewi, li dwarha ma saritx konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali

F’deċiżjoni dwar l-Appell 204/15, it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjannar ta raġun lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li ma kienx ġie kkonsultat fuq deċiżjoni tal-Awtorità biex art fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Dmejrek titneħħa mill-lista ta’ propjetà skedata.

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u Flimkien għal Ambjent Aħjar kienu appellaw minn din id-deċiżjoni tal-PA, bil-Kunsill Lokali jsostni li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni jmur kontra l-Artiklu 33(1)(i) tal-Att dwar il-Kunsill Lokali li jipprovdi li hija funzjoni tal-Kunsill Lokali “li jagħti parir lil, u meta dan ikun japplika, li jkun ikkonsultat minn kull awtorità li jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet li direttament jew indirettament jolqtu l-Kunsill u lir-residenti li jkun responsabbli tagħhom.” Il-Kunsill Lokali kien sostna wkoll li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Awtorità kienet tmur kontra l-Artiklu 4(6) tal-European Charter of Local Self Government tal-Kunsill tal-Ewropa li l-Gvern Malti kien iffirma fit-13 ta’ Lulju 1993. Fl-appell mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u FAA kien ġie enfasiżat wkoll li ż-żona jeħtieġ tibqa’ tiġi mħarsa bi skedar minħabba n-natura ambjentali u ekoloġika tagħha.

Fid-deċiżjoni tiegħu it-Tribunal spjega li minkejja li f’każ ta’ de-scheduling, il-liġi hija siekta fuq l-konsultazzjoni, ikun utli – anzi obbligu fuq l-Awtorità li tinforma b’mod pubbliku li ser ikun hemm proposta ta’ tibdil jew tneħħija ta’ skedar. It-Tribunal sostna li bħal fil-każ ta’ skedar, il-proċess ta’ de-scheduling huwa wkoll fl-interess pubbliku u talba jew proċess ta’ descheduling għandu jkun pubbliku u suġġett għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati qabel mal-Awtorità tasal għal deċiżjoni finali. Għalhekk, sostna t-Tribunal, kif l-PA kienet laqgħet s-sottomissjonijiet tal-applikant, kellha l-obbligu li twessa l-konsultazzjoni ma’ partijiet oħra nteressati fid-deċiżjoni, fosthom il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u l-għaqdiet ambjentali. Dan, ikompli it-Tribunal, fid-dawl ta’ prinċipju ta’ parteċipazzjoni, trasparenza u skont prinċipji ta’ ġustizzja naturali.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-Tribunal ddeċieda li jħassar deċiżjoni tal-PA tat-28 ta’ Mejju 2015, annulla it-tibdil fl-iskedar kif ppublikat fl-Avviż tal-Gvern 903 tal-2015 u reġġa lura l-proċess fl-istadju ta’ qabel d-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tat-Tribunal ssostni wkoll li l-Awtorità għandha tippublika t-talba għal tibdil fl-iskedar tas-sit u tipprovdi zmien xieraq sabiex tilqa’ s-sottomissjonijiet mill-Kunsill Lokali u minn persuni nteressati u terġa tiddeċiedi mill-ġdid it-talba ta’ de-scheduling ta’ parti mis-sit skedat.

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali jilqa’ b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni mportanti li mhux biss tħares l-ambjent tas-Siġġiewi, b’mod partikolari l-inħawi Ta’ Dmejrek, imma tenfasiża l-importanza tal-konsultazzjoni u l-funzjoni tal-Kunsill Lokali li jkun kkonsultat biex iħares l-interessi tar-residenti u tal-lokalità. Is-Sindku sostniet li din id-deċiżjoni hija fundamentali wkoll għaliex tenfasiża prinċipji mportanti li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi dejjem ħadem biex jiġu ssalvagwardjati. Dawn jinkludu l-prinċipju tat-trasparenza, prinċipji ta’ ġustizzja naturali u l-konsultazzjoni fuq materji ambjentali għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.